BRINDISI MILL-E.T. LÁSZLÓ SÓLYOM PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA WAQT IĊ-ĊENA STATALI MOGĦTIJA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA - 31 TA’ MEJJU 2007
Wisq distint Sur President,
Sinjura,
Sinjuri,
Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għal din il-laqgħa ta’ ħbiberija u għall-ospitalità mill-qalb li qed turuna. Napprezza ħafna wkoll, Sur President, il-programm mimli u varjat u l-kwalità għolja ta’ kif inhu organizzat.
Aħna l-Ungeriżi għandna rabtiet ma’ Malta permezz ta’ numru ta’ fatturi fil-wirt storiku tagħna. F’nofs is-seklu 16, sew Malta kif ukoll l-Ungerija kienu s-swar li jiddefendu ’l-Ewropa fit-taqbida kontra l-ħakkiema Ottomani. Dak li kien l-Assedju l-Kbir għalikom, id-difiża tal-Kastell ta’ Eger kien għalina: esperjenza nazzjonali ta’ ħajja u mewt fl-imgħoddi tagħna. Iż-żewġ assedji kienu aktar minn prova militari ta’ saħħa, iż-żewġ battalji ħallew l-impatt tagħhom fuq l-identità nazzjonali tagħna, u mhux biss l-istorja tagħna kienet tkun differenti mingħajrhom, iżda wkoll forsi l-identità taż-żewġ popli kienet tiżviluppa b’mod differenti kieku ma kellniex naffrontaw b’suċċess dawn l-isfidi.
Iż-żewġ popli bnew pajjiżhom f’post ta’ konverġenza ta’ kulturi u ppruvaw jagħġnu dak kollu ta’ interess u utli għalihom mal-kultura tagħhom, jew ippruvaw isaħħu l-indipendenza tagħhom meta ġnus u imperi akbar minnhom waslu ħdejhom waqt li kienu qed jespandu. L-Ungerija ħafna drabi għaddiet minn sitwazzjonijiet storiċi fl-Ewropa kontinentali simili għal dawk li ħabbtet wiċċhom magħhom Malta f’nofs il-Mediterran.
Grazzi għal meta ċ-ċittadini tagħha żammew iebes, Malta rebħet il-mewġ ta’ l-istorja, u ilha stat indipendenti sa mill-1964. Bħala riżultat tar-rivoluzzjoni ta’ l-istat tad-dritt fl-1989/90, l-Ungerija wkoll setgħet tmur lura għall-għeruq Ewropej tagħha. Id-destini taż-żewġ pajjiżi reġgħu għal darba oħra ltaqgħu, u għal tliet snin issa nistgħu nikkoperaw bħala Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Sur President,
Aħna l-Ungeriżi ninsabu grati għall-appoġġ ġeneruż li Malta tat lir-rivoluzzjonarji fl-Ungerija fl-1956, kif ukoll l-importanza li Malta tat lill-50 Anniversarju tar-Rivoluzzjoni u Ġlieda għall-Ħelsien tagħna. Il-President Fenech Adami ħa sehem personalment fiċ-ċelebrazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Budapest, u b’hekk huwa kien eżempju sabiħ ta’ din l-attenzjoni speċjali; bħala espressjoni tal-gratitudni tagħna lejh għall-appoġġ tiegħu għall-kawża tar-Rivoluzzjoni tagħna, aħna tajnieh il-medalja tal-ġieħ tar-Repubblika ta’ l-Ungerija “Eroj tal-Libertà”. Il-President iġġieled fuq quddiem għad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi, u bħala tali huwa kien ta’ unur għar-Rivoluzzjoni tagħna, persuna li kien jistħoqqlu t-titlu “European of the Year” għall-merti dejjiema li kiseb matul il-proċess biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea.
Jiena grat mhux biss lejn il-President, iżda wkoll lejn dawk li ħadu sehem f’dawn l-avvenimenti, li b’hekk għamluhom aktar memorabbli. Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-gratitudni tiegħi lis-Sindku tal-Belt Valletta, Dott. Paul Borg Olivier, li ħadem biex titwaħħal irħama ta’ tifkira f’wieħed mill-iżbaħ ġonna tal-belt kapitali, fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Isfel, li tagħti ġieħ lill-eroj u l-vittmi tar-Rivoluzzjoni Ungeriża. Nixtieq nirringrazzja wkoll lis-Sur Alfred Pisani, Chairman tal-Corinthia Group u l-istaff tiegħu għall-appoġġ tagħhom, u l-aħħar iżda mhux l-anqas, lis-Sur Michael Soler, Konslu Ġenerali Onorarju tar-Repubblika ta’ l-Ungerija għas-sehem attiv tiegħu.
F’Mejju ta’ din is-sena ċċelebrajna l-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Komunità Ewropea. Skond id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin iffirmata mis-27 Stat Membru, l-għan komuni tagħna huwa li nibnu l-Ewropa fuq pedamenti ġodda, u qabel l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ l-2009 inkunu nistgħu nadottaw it-Trattat il-ġdid. Dan ma jkunx possibbli jekk l-Istati Membri ma jkollhomx viżjoni soda għall-Ewropa u ma jiddeċidux li jiffurmaw unjoni politika fit-tul.
Wara ħamsin sena wasal iż-żmien li niftakru fl-ideali oriġinali tal-Missirijiet Fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea u li mmexxuhom ’l quddiem. Per eżempju, l-idea li l-Ewropa m’hix biss koperazzjoni politika ta’ kuljum. M’hix biss kummerċ ħieles u ekonomija waħda. M’għandhiex tkun mnaqqsa ghal aktar l-fruntieri miftuħin, aktar sigurtà u konformità legali żviluppata. L-Unjoni hija aktar minn sempliċiment dan kollu – hija komunità ta’ valuri, hija garanzija tad-drittijiet tal-bniedem. Flimkien ma’ appartenenza storiko-kulturali, l-Ewropa hija wkoll karatterizzata minn diversità lingwistika u kulturali u hija mogħnija b’ħafna identitajiet nazzjonali differenti li l-ħidma prinċipali tagħna hija li nippreservawhom u nappoġġjawhom.
It-Trattat Kostituzzjonali ratifikat sew minn Malta kif ukoll mill-Ungerija jagħtina bażi għal dan.
L-Ungerija kkommettiet ruħha wkoll biex isseddaq u ssaħħaħ aktar l-integrazzjoni Ewropea. Nixtiequ ħafna kieku l-Istati Membri jkunu kapaċi jistinkaw flimkien biex joħolqu Ewropa demokratika u li tkun qrib iċ-ċittadini tagħha, li tkun tista’ tiggarantixxi żvilupp sostenibbli u taffronta sfidi bħala ma huma r-riskji tat-terroriżmu, it-tniġġiż ambjentali u d-dipendenza fuq l-enerġija. Aħna wkoll inħossu li huwa importanti li niżviluppaw id-dimensjonijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-Politika Ewropea tal-Ġirien sabiex inkattru l-istabbilità, sigurtà u l-ġid tagħna lkoll.
Malta hija Stat Ewropew li twettaq rwol importanti bħala pont. Tgħaqqad il-Popli li jgħixu fuq żewġ xtut opposti tal-Baħar Mediterran u twassal valuri Ewropej. Tagħti sehem ħafna akbar mid-daqs tagħha jista’ jagħtik x’taqseb billi ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-partijiet ta’ fuq u ta’ isfel tal-Baħar Mediterran, u hija tat bidu għad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Għarab moderati. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika u l-istorja tagħha, l-Ungerija wkoll għandha r-rwol ta’ pont bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant. L-għanijiet tagħna jimmiraw fl-istess direzzjoni u l-mentalità u ħidmiet simili tagħna jseddqu l-alleanza u l-koperazzjoni tagħna biex nibnu l-Ewropa komuni tagħna.
Sur President,
Għal darba oħra nixtieq nirringrazzjak għall-ospitalità mill-qalb, u nixtieq ngħolli t-tazza tiegħi u nixrob bis-saħħa tal-President tar-Repubblika ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu, bis-saħħa u l-prosperità taċ-ċittadini kollha ta’ Malta, u għall-iżvilupp ta’ koperazzjoni b’suċċess tagħna u futur sabiħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en