Left arrow Go Back

BRINDISI MILL-E.T. LÁSZLÓ SÓLYOM PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA WAQT IĊ-ĊENA STATALI MOGĦTIJA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA, L-E.T. DOTT. EDWARD FENECH – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA - 31 TA’ MEJJU 2007

PR0810
Date Icon 31/05/2007

Wisq distint Sur President,
Sinjura,
Sinjuri,  

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi għal din il-laqgħa ta’ ħbiberija u għall-ospitalità mill-qalb li qed turuna.  Napprezza ħafna wkoll, Sur President, il-programm mimli u varjat u l-kwalità għolja ta’ kif inhu organizzat. 

Aħna l-Ungeriżi għandna rabtiet ma’ Malta permezz ta’ numru ta’ fatturi fil-wirt storiku tagħna.  F’nofs is-seklu 16, sew Malta kif ukoll l-Ungerija kienu s-swar li jiddefendu ’l-Ewropa fit-taqbida kontra l-ħakkiema Ottomani. Dak li kien l-Assedju l-Kbir għalikom, id-difiża tal-Kastell ta’ Eger kien għalina: esperjenza nazzjonali ta’ ħajja u mewt fl-imgħoddi tagħna.  Iż-żewġ assedji kienu aktar minn prova militari ta’ saħħa, iż-żewġ battalji ħallew l-impatt tagħhom fuq l-identità nazzjonali tagħna, u mhux biss l-istorja tagħna kienet tkun differenti mingħajrhom, iżda wkoll forsi l-identità taż-żewġ popli kienet tiżviluppa b’mod differenti kieku ma kellniex naffrontaw b’suċċess dawn l-isfidi.    

Iż-żewġ popli bnew pajjiżhom f’post ta’ konverġenza ta’ kulturi u ppruvaw jagħġnu dak kollu ta’ interess u utli għalihom mal-kultura tagħhom, jew ippruvaw isaħħu l-indipendenza tagħhom meta ġnus u imperi akbar minnhom waslu ħdejhom waqt li kienu qed jespandu.  L-Ungerija ħafna drabi għaddiet minn sitwazzjonijiet storiċi fl-Ewropa kontinentali simili għal dawk li ħabbtet wiċċhom magħhom Malta f’nofs il-Mediterran. 

Grazzi għal meta ċ-ċittadini tagħha żammew iebes, Malta rebħet il-mewġ ta’ l-istorja, u ilha stat indipendenti sa mill-1964.  Bħala riżultat tar-rivoluzzjoni ta’ l-istat tad-dritt fl-1989/90, l-Ungerija wkoll setgħet tmur lura għall-għeruq Ewropej tagħha.  Id-destini taż-żewġ pajjiżi reġgħu għal darba oħra ltaqgħu, u għal tliet snin issa nistgħu nikkoperaw bħala Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.  

Sur President, 

Aħna l-Ungeriżi ninsabu grati għall-appoġġ ġeneruż li Malta tat lir-rivoluzzjonarji fl-Ungerija fl-1956, kif ukoll l-importanza li Malta tat lill-50 Anniversarju tar-Rivoluzzjoni u Ġlieda għall-Ħelsien tagħna.  Il-President Fenech Adami ħa sehem personalment fiċ-ċelebrazzjonijiet kemm f’Malta kif ukoll f’Budapest, u b’hekk huwa kien eżempju sabiħ ta’ din l-attenzjoni speċjali; bħala espressjoni tal-gratitudni tagħna lejh għall-appoġġ tiegħu għall-kawża tar-Rivoluzzjoni tagħna, aħna tajnieh il-medalja tal-ġieħ tar-Repubblika ta’ l-Ungerija “Eroj tal-Libertà”.  Il-President iġġieled fuq quddiem għad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi, u bħala tali huwa kien ta’ unur għar-Rivoluzzjoni tagħna, persuna li kien jistħoqqlu t-titlu “European of the Year” għall-merti dejjiema li kiseb matul il-proċess biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea. 

Jiena grat mhux biss lejn il-President, iżda wkoll lejn dawk li ħadu sehem f’dawn l-avvenimenti, li b’hekk għamluhom aktar memorabbli.  Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nesprimi l-gratitudni tiegħi lis-Sindku tal-Belt Valletta, Dott. Paul Borg Olivier, li ħadem biex titwaħħal irħama ta’ tifkira f’wieħed mill-iżbaħ ġonna tal-belt kapitali, fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Isfel, li tagħti ġieħ lill-eroj u l-vittmi tar-Rivoluzzjoni Ungeriża. Nixtieq nirringrazzja wkoll lis-Sur Alfred Pisani, Chairman tal-Corinthia Group u l-istaff tiegħu għall-appoġġ tagħhom, u l-aħħar iżda mhux l-anqas, lis-Sur Michael Soler, Konslu Ġenerali Onorarju tar-Repubblika ta’ l-Ungerija għas-sehem attiv tiegħu.   

F’Mejju ta’ din is-sena ċċelebrajna l-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Komunità Ewropea. Skond id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin iffirmata mis-27 Stat Membru, l-għan komuni tagħna huwa li nibnu l-Ewropa fuq pedamenti ġodda, u qabel l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ l-2009 inkunu nistgħu nadottaw it-Trattat il-ġdid.  Dan ma jkunx possibbli jekk l-Istati Membri ma jkollhomx viżjoni soda għall-Ewropa u ma jiddeċidux li jiffurmaw unjoni politika fit-tul.   

Wara ħamsin sena wasal iż-żmien li niftakru fl-ideali oriġinali tal-Missirijiet Fundaturi ta’ l-Unjoni Ewropea u li mmexxuhom ’l quddiem.  Per eżempju, l-idea li l-Ewropa m’hix biss koperazzjoni politika ta’ kuljum.  M’hix biss kummerċ ħieles u ekonomija waħda.  M’għandhiex tkun mnaqqsa ghal aktar l-fruntieri miftuħin, aktar sigurtà u konformità legali żviluppata.  L-Unjoni hija aktar minn sempliċiment dan kollu – hija komunità ta’ valuri, hija garanzija tad-drittijiet tal-bniedem.  Flimkien ma’ appartenenza storiko-kulturali, l-Ewropa hija wkoll karatterizzata minn diversità lingwistika u kulturali u hija mogħnija b’ħafna identitajiet nazzjonali differenti li l-ħidma prinċipali tagħna hija li nippreservawhom u nappoġġjawhom.    

It-Trattat Kostituzzjonali ratifikat sew minn Malta kif ukoll mill-Ungerija jagħtina bażi għal dan.  

L-Ungerija kkommettiet ruħha wkoll biex isseddaq u ssaħħaħ aktar l-integrazzjoni Ewropea.  Nixtiequ ħafna kieku l-Istati Membri jkunu kapaċi jistinkaw flimkien biex joħolqu Ewropa demokratika u li tkun qrib iċ-ċittadini tagħha, li tkun tista’ tiggarantixxi żvilupp sostenibbli u taffronta sfidi bħala ma huma r-riskji tat-terroriżmu, it-tniġġiż ambjentali u d-dipendenza fuq l-enerġija.  Aħna wkoll inħossu li huwa importanti li niżviluppaw id-dimensjonijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-Politika Ewropea tal-Ġirien sabiex inkattru l-istabbilità, sigurtà u l-ġid tagħna lkoll.  

Malta hija Stat Ewropew li twettaq rwol importanti bħala pont.  Tgħaqqad il-Popli li jgħixu fuq żewġ xtut opposti tal-Baħar Mediterran u twassal valuri Ewropej.  Tagħti sehem ħafna akbar mid-daqs tagħha jista’ jagħtik x’taqseb billi ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-partijiet ta’ fuq u ta’ isfel tal-Baħar Mediterran, u hija tat bidu għad-djalogu bejn l-UE u l-Istati Għarab moderati.  Minħabba l-pożizzjoni ġeografika u l-istorja tagħha, l-Ungerija wkoll għandha r-rwol ta’ pont bejn l-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant.  L-għanijiet tagħna jimmiraw fl-istess direzzjoni u l-mentalità u ħidmiet simili tagħna jseddqu l-alleanza u l-koperazzjoni tagħna biex nibnu l-Ewropa komuni tagħna.  

Sur  President, 

Għal darba oħra nixtieq nirringrazzjak għall-ospitalità mill-qalb, u nixtieq ngħolli t-tazza tiegħi u nixrob bis-saħħa tal-President tar-Repubblika ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu, bis-saħħa u l-prosperità taċ-ċittadini kollha ta’ Malta, u għall-iżvilupp ta’ koperazzjoni b’suċċess tagħna u futur sabiħ.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow