Left arrow Go Back

Ġimgħa ta’ attivitajiet biex jitfakkar Jum l-Ambjent 2007

PR0803
Date Icon 31/05/2007

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għal darb’oħra reġa ħejja programm ta’ attivitajiet bl-iskop li jfakkar Jum l-Ambjent li jaħbat fil-5 ta’ Ġunju. 

L-attivitajiet biex ifakkru Jum l-Ambjent 2007 se jibdew mit-Tnejn 4 ta’ Ġunju 2007 u jilħqu l-qofol tagħhom bejn is-Sibt 9 u l-Ħadd 10 ta’ Ġunju 2007 meta ssir edizzjoni oħra tal-Echo Fest fi Ġnien Indipendenza, f’Tas-Sliema. 

Kull ġurnata matul il-ġimgħa t’attivitajiet ingħatat tema partikolari u l-attivitajiet se jiffukkaw fuq it-tema magħżula.  Fuq it-tema tal-biodiversita’, ser issir attivita’ informattiva dwar il-proċess ta’ konservazzjoni u l-mikro-propogazzjoni ta’ pjanti li iktar tard ikunu jistgħu jitpoġġew lura fl-ambjent naturali tagħhom.  Se ssir ukoll l-ewwel laqgħa tal-bord ta’ l-immaniġġjar tal-Park Naturali li ser isir fl-inħawi tal-Majjistral ta’ Malta, u se jintwera d-DVD li jittratta l-ħajja fl-ibħra tal-Mediterran. 

Tema oħra li se tkun trattata hija dik dwar l-ambjent urban u matul il-jum magħżul se jkun imniedi proġett ta’ kif il-ħġieġ imkisser jibda jintuża fil-bini tat-toroq Maltin.  Se jkun organizzat ukoll vjaġġ f’diversi siti u nħawi li bbenefikaw minn fondi ta’ l-iskema magħrufa bħala Environment Initiatives in Partnership Programme (EIPP) tal-MEPA u siti li ġew identifikati bħala Special Areas of Conservation (SAC).  Se tittella’ wkoll diskussjoni dwar l-evalwazzjoni tal-proġetti l-kbar, liema attivita’ se ssir b’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Periti. 

L-immaniġġjar ta’ l-iskart ukoll se jkun trattat permezz ta’ numru ta’ attivitajiet li jinkludu l-ftuħ uffiċjali tat-tieni faċilita’ għall-iskart magħżul (civic amenity site) f’Malta li tinsab fl-Imrieħel.  Marbuta mal-ftuħ tal-faċilita’ l-ġdida se tittella wkoll wirja tal-moda ta’ ħwejjeġ magħmula minn materjal riċiklat mill-istilist Spanjol Josep Crivillers, Mar Gavino, l-iskola tad-disinn ESDI ta’ Sabadell u EDA ta’ Majorca, li se jinġiebu Malta għall-okkażjoni bl-għajnuna ta’ l-Ambaxxata Spanjola f’Malta.  Preżenti ukoll eżebizzjoni ta’ ħwejjeg magħmula minn materjal riċiklat minn studenti ta’ l-Istitut ta’ l-Arti u Disinn tal-MCAST.  Se ssir ukoll żjara lill-proġett ta’ riċiklaġġ ta’ materjal magħruf bħala Equals li qed isir mill-WasteServ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond, u mill-għaqdiet Mid-Dlam għad-Dawl u l-YMCA. 

L-ambjent tal-baħar ukoll se jkun ittrattat permezz ta’ attivita’ ta’ tindif ta’ qiegħ il-baħar kif ukoll bit-tnehdija ta’ dgħajsa li taħdem bl-elettriku li kienet iddisinjata minn studenti tal-Fakulta’ ta’ l-Inġinerija Elettrika ta’ l-Universita’ ta’ Malta. 

Il-konservazzjoni ta’ l-ilma u tal-enerġija se jkunu trattati permezz ta’ attivitajiet li se jsiru b’kollaborazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma u mal-Korporazzjoni Enemalta fosthom attivita’ sabiex jiżdiet l-għarfin fost il-konsumaturi dwar il-photovoltaic (PV) panels. Attivitajiet oħra li se jsiru matul il-ġimgħa se jinkludu għarfien dwar it-tibdil fil-klima b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi u sessjoni Parlamentari għat-tfal li jipparteċipaw fl-inizjattiva Eko-skola.  Se tkun inawgurata wirja ta’ arti li l-qliegħ minnha se jmur kollu b’risq il-kampanja Tree for You u se jsir ukoll taħwil ta’ siġar bħala parti minn din il-kampanja u biex tikkoinċidi mal-festa ta’ Jum il-Missier. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO    Infringement proceedings concerning the Finch Research Derogation

PR261965en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR GOZO Infringement proceedings concerni...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX   Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga għar-riċerka dwar l-għasafar tal-għana

PR261965

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Proċeduri ta’ ksur dwar id-deroga g...

More Press Releases Right arrow