Left arrow Mur Lura

Kampus Ġdid għall-MCAST… B’Ħiliet Aħjar, Xogħol Aħjar

PR0800
Date Icon 31/05/2007

“Il-Gvern ser jibni kampus ġdid għall-MCAST għax konvint li wliedna b’ħiliet aħjar ikollhom xogħol u karrieri aħjar.  Il-pjan approvat mill-Gvern b’investiment ta’ Lm 50 miljun huwa l-fażi li jmiss fl-iżvilupp ta’ l-MCAST biex nassiguraw li nirduppjaw in-numru ta’ dawk li jitħarrġu fih u biex il-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jkunu ta’ l-ogħla kwalità.  Dan hu proġett essenzjali biex nattiraw u nsostnu investiment li jġib aktar xogħol u xogħol aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.” Dan kien il-messaġġ ta’ Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, meta dalgħodu nieda l-proġett imħabbar mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi nhar il-Ħadd li għadda. Fil-konferenza għall-istampa, organizzata mill-Ministeru u l-MCAST, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, tkellmu wkoll il-President tal-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST Paul Attard, il-Principal Frank Edwards, u l-Uffiċċjal Amministrattiv Ewlieni Emmanuel Attard.

Louis Galea fisser li meta l-Gvern sitt snin ilu waqqaf l-MCAST ried li jagħti lill-pajjiż istituzzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li jgħinu liż-żgħażagħ u l-ħaddiema jiksbu l-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa fl-ekonomija ġdida li qed tiżviluppa f’Malta. “Illum qed naraw li mhux biss il-viżjoni tal-Gvern titwettaq b’eluf ta’ żgħażagħ li diġa` kkwalifikaw u sabu x-xogħol, talli issa qed inħarsu lejn l-għaxar snin li jmiss u qed nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex nagħmlu MCAST akbar u isbaħ, u fejn il-kwalità ta’ l-esperjenza u s-sustanza tat-tagħlim u t-taħriġ tkun wieħed mill-aqwa reklami biex nattiraw u nsostnu l-investiment u l-ħolqien ta’ l-impiegi,” tenna il-Ministru Galea.

Il-Gvern approva Master Plan għall-MCAST li ġie żviluppat b’konsultazzjoni u diskussjoni ma’ kull min hu involut.  Il-proġett jimmira li jestendi is-sit ta’ l-MCAST f’Raħal Ġdid mill-Kappella ta’ Sant’ Antnin sax-xatt u jiżviluppa s-sit mill-ġdid bl-iskop li l-Istituti kollha jinġabru fuq Kampus wieħed modern li jkollu l-facilitajiet kollha meħtieġa. Il-proġett hu maħsub li jinkludi l-iżvilupp fil-Ġonna ta’ Gaddafi ta’ facilitajiet sportivi li jintlaħqu mill-istudenti permezz ta’ pont u li jkunu jistgħu jintuzaw ukoll mill-komunità ta’ Raħal Ġdid,  l-Fgura u l-madwar.  Il-pjan jaħseb biex jikkonserva u jippreżenta ħafna aħjar it-Tempju Neolitiku li hemm fuq is-sit u li ser ikompli jiġi amministrat mill-Fondazzjoni Wirt Artna.

L-MCAST fetaħ il-bibien tiegħu fl-2001 u minn 1600 student dak iż-żmien, il-kulleġġ kompla jżid il-korsijiet u l-livelli li joffri biex din is-sena kien qed joffru taħriġ lil 4000 student full-time u 5000 student part-time.  Il-Gvern hu kommess li jkompli jżid l-opportunitajiet ta’ taħriġ fil-livell post sekondarju.  Bil-ħidma tal Gvern f’dawn l-aħħar snin l-ammont ta’ studenti li qed ikomplu jistudjaw fil-livell post-sekondarju żdied għal madwar 70% u l-ammont ta’ studenti li ma jkomplux l-edukazzjoni tagħhom naqas b’10% fl-aħħar ħames snin.  Permezz ta’ dan il-proġett u diversi inizjattivi oħrajn li qed jittieħdu fl-oqsma kollha ta’ l-edukazzjoni hu mistenni li pajjiżna ikun jista jilħaq diversi mill-miri ta’ Lisbona li huma intiżi biex il-pajjiżi kollha ta’ l-UE isiru l-aqwa ekonomija fid-dinja ibbażata fuq l-għerf.   

Il-kampus il-ġdid se jinbena fuq mhedda ta’ art ta’ madwar 120 tomna.  Meta jitlesta l-proġett se jkun inħoloq 59,915 m2  ta’ spazji nterni li jinkludu lecture rooms, laboratorji tax-xjenza, laboratorji tal-kompjuters u multimedia resource rooms, workshops għall-inġinerija mekkanika, elettrika u elettronika, faċilitajiet għall-istudenti, facilitajiet sportivi, uffiċini għall-amministrazzjoni, parkeġġ għal 1150 karozza u spazji oħrajn pubbliċi.  Il-kampus se jkollu tlett pjazzez ewlenin bi triq ewlenija pavimentata li se tgħaddi tul il-kampus kollu u tgħaqqad l-binjiet kollha.  Il-pjan hu maħsub biex l-iżvilupp li jsehh ikun sostenibbli kemm fil-mod kif isir il-bini kif ukoll fl-użu tad-dawl u ta’ l-ilma.

Il-Gvern qed jagħti direzzjoni li l-proġett kollu għandu jagħmel l-akbar użu possibbli minn soluzzjonijiet ta’ sorsi ta’ enerġija alternattiva u miżuri li jiffrankaw l-użu ta’ l-enerġija bl-iskop li jonqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 fl-arja. Hu maħsub ukoll li jkun hemm soluzzjonijiet li jipprovdu għall-akbar ħażna  ta’ ilma tax-xita, u li jsir użu minn materjali fil-bini u fl-għamara li jirrispettaw  l-ambjent u jserrħu l-bniedem (environment and student friendly). Hu mistenni wkoll li f’kull post possibbli jitħawwlu s-siġar adatti. Il-progett irid ikun mibni b’disinn li jaħseb għal soluzzjonijiet sostenibbli li jinkludi wkoll soluzzjonijiet għar-riċiklaġġ ta’ skart u jkun hemm l-anqas hela possibbli.

Il-Kampus ta’ l-MCAST jinsab biswit il-qasam industrijali ta’ Kordin u l-Gvern irid li dan l-iżvilupp jinħadem fi pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ dan il-qasam mhux biss mil-lat fiżiku, imma anke mil-lat strateġiku. Il-Ministru Galea qal li l-Gvern irid li jisfrutta din l-opportunità unika ta’ kulleġġ teknoloġiku u qasam industrijali fejn xulxin billi ma jħarisx lejn l-iżvilupp tagħhom b’mod separat iżda b’mod sħiħ biex l-ambjent kollu – MCAST u qasam industrijali ta’ Kordin – ikun żona ta’ tagħlim u taħriġ, xogħol u produzzjoni, kompettività u riċerka teknika u teknoloġika. “Dan għandu joffri lill-istudenti ta’ l-MCAST l-aħjar opportunità biex it-tagħlim u t-taħriġ jeħduh f’ambjent fejn tgħix kuljum id-dinja reali tax-xogħol u fejn min iħaddem ikollu fuq l-għatba ta’ l-impriża tiegħu l-aqwa kulleġġ ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ snajja, xjenza, arti, teknika u teknoloġija,” spjega Louis Galea. Il-Ministru Galea qal li diġa` bdew taħditiet mal-Ministru Austin Gatt biex il-Malta Enterprise ikollha sehem fl-ippjanar tat-twettiq ta’ dan il-proġett.

Flimkien mal-Master Plan il-Gvern approva wkoll l-iStrategic Plan 2007 – 2009 adottat mill-Bord tal-Gvernaturi. L-MCAST mhux biss ser ikollu Kampus ġdid fuq firxa ta’ snin iżda wkoll ser ikompli jsaħħaħ il-kurrikulu, l-metodoloġija u r-riżultati tal-korsijiet tiegħu.

Il-Ministru Galea fisser li l-politika tal-Gvern hi li l-edukazzjoni u t-taħriġ m’għandux ikun biss proċess ta’ żvilupp tekniku tal-bniedem. “Fis-soċjetà tal-lum mibnija fuq l-opportunitajiet li qed iġġib magħha r-rivoluzzjoni ta’ l-Informatika u l-kommunikazzjoni, jeħtieġ bnedmin li huma iffurmati f’kull sens. Minbarra l-ħiliet tekniċi, l-ħaddiema irridu nagħtuhom il-ħiliet umani, is-soft skills li min iħaddem illum qed jinsisti għalihom. M’għadux aktar effettiv li l-ħaddiem ikun tajjeb biss f’xi sengħa partikolari jew li jkun ikkonċentra biss fuq numru limitat ta’ suġġetti. Għandu bżonn ukoll il-ħiliet tal-kommunikazzjoni, tal-lingwa Maltija u Ingliża, jaf jaħdem f’tim, ikollu sens ta’ inizjattiva, ikun kreattiv, jaf iħaddem manjieri tajba ma’ sħabu u mas-superjuri. Hu importanti li l-istudenti ta’ l-MCAST ma jibqgħux jieħdu l-esperjenza tagħhom biss mill-Istitut speċjalizzat fil-qasam li jagħżlu, iżda iridu jiksbu esperjenzi wkoll sew mill-Istituti l-oħra b’mod multi-dixxiplinari kif ukoll b’aktar esperjenza fuq il-bank tax-xogħol. Il-ġabra ta’ l-Istituti fuq kampus wieħed hija essenzjali biex niksbu din is-sinerġija għall-ġid ta’ l-istudenti.  Se nkomplu nibnu MCAST għall-ġejjieni taż-żgħażagħ tagħna u ta’ pajjiżna”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

Aktar Stqarrijiet Right arrow