STQARRIJA TAL-MINISTERU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI
Il-Ministru Censu Galea jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet li qed jagħmel fil-konfront tiegħu l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista Dr. Alfred Sant u jispjega l-argumenti tiegħu fil-punti li ġejjin:
· Il-Ministru Censu Galea kien minn ta’ quddiem nett fir-riforma biex tkun xolta l-Public Transport Authority (PTA) u titwaqqaf l-Awtorita’ li tirregola is-settur tat-Trasport f’pajjiżna.
· Il-Ministru Censu Galea dejjem mexa b’mod rett u serju u meta waslulu rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ nuqqasijiet fi ħdan l-ADT mhux talli ma għamel xejn iżda ra li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.
· Meta l-Ministru kien qed jitkellem mal-persuna li rrekordjatu, wera li kien konxju mill-allegazzjonijiet li kienu qed isiru u ra li l-investigazzjonijiet meħtieġa jitwettqu, kif fil-fatt sar.
· Il-Ministru jiċċara l-punt li għalkemm hu f’dan l-istadju mhux se jiżvela l-isem tal-persuna li għamlet dawn ir-recordings sitt snin ilu, jixtieq jinforma lill-pubbliku li din l-istess persuna kienet investigata fuq allegazzjonijiet dwar nuqqasijiet fi ħdan l-awtorita’ u li fil-fatt kien tkeċċa mix-xogħol f’Ottubru 2003, ukoll jekk wara għamel appell minn din is-sentenza.
· Il-Ministru jiddikjara li din il-persuna li qatt ma kienet canvasser tiegħu għaddiet mill-proċess ta’ investigazzjoni, instabet ħatja, u ttieħdu l-passi fil-konfront tagħha. Il-Ministru ra ukoll li jittieħdu passi sabiex jitneħħew irregolaritajiet oħra.
· Jidher li wara li l-persuna nvoluta ttieħdu l-passi fil-konfront tagħha, qed tipprova tnaqqas ir-reputazzjoni tal-Ministru Censu Galea billi r-recordings li għamlet twasslu għand il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni biex dan jużhom ħalli jagħmel kapital politiku rħis minnhom.
· Il-Ministru Censu Galea jinsab sorpriż għall-mod kif il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed jipparteċipa b’ruħu u b’ġismu fil-kampanja li l-persuna li nstabet ħatja ta’ irregolaritajiet qed tipprova tagħmel fil-konfront tiegħu.
· Jidher għalhekk li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant minflok jikkundanna l-irregolartajiet mwettqa mill-istess persuna, qed jagħżel li jkun biċċa waħda ma’ min wettaq l-irregolarita’ u jagħżel li bl-iktar mod baxx jattakka lill-Ministru Censu Galea u l-mod integru ta’ kif hu mexa f’dan il-każ.
Il-Ministru Censu Galea jisfida lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant jiżvela l-irregolaritajiet li tagħhom il-persuna li għamlet ir-recordings instabet ħatja, il-passi li ttieħdu fil-konfront tagħha, min kienet il-persuna li fil-proċess ta’ l-investigazzjoni ddefendietu, u fuq kollox ir-raġunijiet għalfejn qed jipparteċipa fil-kampanja li qed tagħmel din il-persuna.
Il-Ministru jfakkar ukoll li diġa’ fetaħ kawża ta’ libell in konnessjoni ma’ dan il-każ kontra l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Alfred Sant u jirriżerva d-dritt li jkompli kull pass ieħor meħtieġ skond il-liġi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en