Left arrow Mur Lura

XOGĦOL TA’ RESTAWR U KONSERVAZZJONI F’VILLA FRANCIA, ĦAL-LIJA

PR0770
Date Icon 25/05/2007

Impenn mill-Gvern favur ir-restawr, ir-rijabilitazzjoni u l-konservazzjoni ta’ wirt storiku u kulturali

Pajjiżna hu mimli b’wirt storiku u kulturali u l-iskop ewlieni tal-Gvern hu li dan it-teżor nazzjonali jkompli jiġi restawrat u kkonservat biex il-karatteristika tal-kultura Maltija tispikka u tkabbar l-interess fost dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jinnotawx dawn il-postijiet imprezzabbli f’pajjiżna.  Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni li qed isiru f’Villa Francia, f’Ħal-Lija.

Villa Francia kienet aktar magħrufa qabel bħala Villa Preziosi u tinsab fit-tramuntana ta’ Ħal-Lija.  Minn riċerka li saret instab li l-istruttura tal-villa kif inhi issa ma nbnietx f’daqqa imma f’perjodu ta’ żmien, u probabilment l-użu oriġinali tagħha kien bħala dwejra għall-kaċċa.  Mandankollu bini ieħor kompla jittella’ sat-tieni nofs tas-seklu għoxrin.

Il-villa hi mibnija fuq żewġ sulari, ġnien fuq in-naħa ta’ quddiem u ieħor fuq in-naħa ta’ wara.  Fit-tarf tal-ġnien ta’ wara nsibu binja li tikkonsisti f’sienja, ġiebja ta’ l-ilma u diversi kmamar li jinfdu għal ġol-binja l-prinċipali.

Meta kien qed jispjega l-andament tax-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit qal li peress li din il-villa hi binja ta’ interess storiku nazzjonali, kellhom isiru numru ta’ studji minn professjonisti biex tiġi ddentifikata l-ħsara u d-deterjorament tal-villa qabel jinbeda x-xogħol tar-restawr.  Dawn l-istudji kienu jinkludu survey fuq il-villa eżistenti, riċerka fuq l-istorja analitika tal-villa, u riċerki ta’ pjanti antiki. Ittieħdu diversi ritratti, sar inventarju u saru wkoll diversi pjanti tax-xogħol propost.

Wara li tlestew l-istudji kollha neċessarji, seta’ jiġi identifikat ix-xogħol li ried isir fuq din il-villa, bl-iskop ewlieni li filwaqt li tinżamm l-identita’ storika u artistika tal-villa, din tkun tista’ tintuża għal skopijiet varji fosthom laqgħat u konferenzi governattivi. 

Il-Ministru Ninu Zammit tenna li x-xogħlijiet fuq din il-villa jinkludu l-konservazzjoni u r-restawr tal-faċċati kollha, ir-rijabilitazzjoni tal-pjan terran, ta’ l-ewwel sular, u tisbieħ tal-ġonna kollha li ser jiġu mżewwqa bil-pavimentar  ta’ passaġġi b’disinn artistiku u li jikkumplimenta mal-binja.  Ser isir restawr fuq numru ta’ niċeċ u funtani dekorattivi, kif ukoll xogħol ta’ restawr fuq l-għamara kollha nkluż l-aperturi.  Il-madum eżistenti ser jinżamm u ser isir it-tindif u t-tiswija neċessarja sabiex jingħata dehra aktar aċċettabli.  Is-sienja, il-coachroom, l-istallel u l-kċina l-antika ser jiġu restawrati bil-għan li dawn ikunu mudelli esebiti fl-oriġinalita’ tagħhom biex jiġi ammirat aħjar il-valur  storiku tagħhom.  Dawn ser iservu wkoll sabiex il-viżitaturi jesperjenzaw diversi aspetti mill-kultura u t-tradizzjonijiet nazzjonali.

Ser jiġi nstallat lift u ser isiru rampi biex din il-villa tkun aċċessibli għal kulħadd. Ser isir żona għal parkeġġ riservat ta’ madwar 3/4 karozzi fuq in-naħa tal-faċċata tal-villa. Ser jitwaqqa ħajt li nbena riċentement, bl-iskop li terġa` toħroġ id-dehra oriġinali tal-faċċata ta’ barra. Villa Francia ser ikollha wkoll awditorju żgħir u kċina mgħammra b’kollox.

Il-Ministru Ninu Zammit żied jgħid li dan ix-xogħol qed isir kollu minn ħaddiema tal-Gvern fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  Studenti mill-MCAST qed ukoll jiġu mħarrġa fuq dan il-proġett f’diversi xogħlijiet ta’ restawr.

Fl-aħħarnett il-Ministru stqarr li l-proġett tar-restawr u konservazzjoni f’Villa Francia hu eżempju ċar li l-ħidma kollettiva u mirquma minn diversi snajja’ tal-ħaddiema tal-Gvern qed iżidu l-kontribut artistiku tal-monumenti imprezzabbli u storiċi li pajjiżna hu mogħni bihom.  Binja li sa ftit żmien ilu kienet fi stat ta’ deterjorament qed isirilha xogħol siewi li finalment ser jikxef u jesponi l-valur arkitettoniku mfassal fuq stil lussuż.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

Aktar Stqarrijiet Right arrow