Left arrow Go Back

Belt marbuta ma’ Caravaggio

PR0767
Date Icon 25/05/2007

Għal aktar minn sena, bejn Ġunju 1607 u Ottubru 1608, Michelangelo Merisi da Caravaggio, magħruf minn kulħadd bħala Caravaggio, għex Malta wara li ħarab minn  Ruma. F’dan il-perjodu Caravaggio nħatar bħala Kavallier ta’ Ubbidjenza Maġisterjali. F’Malta Caravaggio wettaq diversi xogħlijiet tal-arti li jispikka fosthom il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista. 

Ix-xogħlijiet ta’ Caravaggio – l-aktar artist famuż fil-Punent –  huma llum imfittxija minn kulħadd u l-patrimonju artistiku li ħallilna f’pajjiżna jagħmel minn Malta wieħed mill-pajjiżi l-aktar importanti għal dawk kollha li jistudjaw u li huma ammiraturi ta’ dan l-artist hekk kbir. 

F’CARAVAGGIO400 fl-okkażjoni ta’ l-400 sena mill-wasla tiegħu f’Malta  ser jipparteċipaw il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Heritage Malta, l-Università ta’ Malta, Lombard Bank, Caravaggio Foundation, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Maltapost, il-Korp tal-Pulizija, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura li qed jikkoordina l-proġett. Qed jikkollaboraw ukoll il-Kunsill Lokali Valletta u l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda il-kunċett wara CARAVAGGIO400 li għandu bħala skop li jiċċelebra l-preżenza ta’ Caravaggio f’Malta permezz ta’ sensiela ta’ attivitajiet u inizjattivi li ser jittellgħu jew jittieħdu matul din is-sena u s-sena li ġejja. 

“Malta hi fortunata li meta ħarab minn Ruma Caravaggio għażel lil pajjiżna biex igħix fih għaliex tul is-17 il-xahar li għamel Malta dan ħallilna fostna l-aqwa xogħlijiet tiegħu. Illum li Caravaggio hu famuż mad-dinja kollha, Malta hi parti importanti mill-mixja fil-ħajja ta’ Caravaggio u punt importanti ta’ riferenza għal artisti u studjużi,” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-tnedija tal-website www.caravaggio400malta.com  ser jgħaqqad flimkien il-Kalendarju Nazzjonali ta’ attivitajiet, li ser jippubblika programm ta’ parteċipazzjoni wiesgħa f’varjetà ta’ oqsma. Hu qal li dan il-kalendarju se jkun koordinat mill-Caravaggio Foundation u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura li ħadu din l-inizjattiva bl-appoġġ ta’ l-Università ta’ Malta. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li r-rabta ta’ Caravaggio ma’ Malta, u l-aktar mal-belt Valletta, għandha żżid ma’ l-importanza kulturali tal-kapitali ta’ Malta li minbarra li ġiet dikjarata bħala sit ta’ wirt dinji mill-UNESCO, qed tingħata dimensjoni ġdida fost l-istudjużi u l-ammiraturi ta’ l-arti viżiva. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien jemmen li l-attivitajiet li ser ikunu organizzati biex ifakkru ż-żmien li Caravaggio għadda f’Malta għandhom jagħmlu lill-poplu Malti aktar konxju mill-wirt kulturali, artistiku u storiku li għandna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

More Press Releases Right arrow