Kampanja kontra l-Obeżità
L-obeżità llum hija marda komuni fostna l-Maltin. Illum hu xjentifikament ippruvat li din il-kundizjoni hija theddida għal saħħitna u tikkaġuna mard serju li jaffettwa l-kwalità tal-ħajja li ngħixu.
Dan qalu Dr. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità meta kien qiegħed jitkellem waqt it-tnedija ta’ kampanja kontra l-obeżità “Ħfief u b’Saħħitna tul Ħajjitna” organizzata mid-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa biex iġġib għarfien għal din il-problema.
Il-Ministru qal li bosta pajjiżi qegħdin jiffaċċjaw din il-marda li tista’ tiġi definita bħala epidemija minħabba n-numru dejjem jikber ta’ dawk li jbatu minnha. Hu kkalkulat li fid-dinja hawn madwar 300 miljun ruħ li għandhom piż żejjed. Tant din il-problema hija kbira li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed tisħaq mal-membri tagħha biex jieħdu din il-marda bl-akbar serjetà għax din il-marda u mard ieħor relatat magħha, qegħdin jieklu ħafna mir-riżorsi finanzjari vvutati għall-qasam tas-saħħa. Fost mard relatat ma’ l-obeżità insibu mard tal-qalb, diabete u mard kroniku.
Sfortunatament pajjiżna hu wieħed mill-aktar pajjiżi b’persuni li jbatu minn piż żejjed u rridu nieħdu miżuri biex nikkontrollaw din il-marda. Studji wrew li 35 fil-mija tat-tfal u 68 fil-mija ta’ l-adulti jbatu minn piż żejjed. Dan hu preokkupanti ħafna.
Dan ifisser li fil-maġġoranza tagħna qegħdin f’riskju akbar marbut ma l-obeżità. Għal din il-marda m’hemmx fejqan. L-uniku mod biex tiġi evitata l-obeżità hi l-prevenzjoni u l-istil ta’ ħajja li ngħażlu li ngħixu. Dan mhux faċli fil-ħajja mgħaġġla tal-lum fejn ħafna jieklu ikel mhux bnin għas-saħħa u ukoll ma jagħmlux eżerċizzju fiżiku.
Il-gvern permezz tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa jagħmel diversi kampanji b’konnessjoni ma’ din il-problema biex dejjem aktar nies ikunu konxji dwar id-dieta u l-bżonn ta’ eżerċizzju fiżiku. Bħalissa d-Dipartiment għall-Kura Primarja permezz tat-taqsima School Heath Services qiegħed jagħmel studju fost it-tfal kollha Maltin ta’ 5 u 6 snin dwar il-piż tagħhom.
B’dan l-eżerċizzju se jiġu identifikati f’liema skejjel u partijiet minn Malta hemm tfal b’piz żejjed. Mir-riżultati ta’ dan l-istudju wieħed ikun jista’ jfassal pjanijiet dwar miżuri meħtieġa biex niġġieldu l-obeżità.
Se jinħatar kumitat taħt ic-Chairmanship tal-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità b’ rappreżentanti minn diversi Ministeri u organizazzjonijiet biex jikko-ordina l-ħidma indirizzata lejn il-problema tal-obeżità, temm jgħid il-Ministru.
F’din il-kampanja qiegħed jitqassam ktejjeb kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż b’informazzjoni dwar il-piż żejjed, ir-riskji li jġib miegħu u kif wieħed jista’ jkejjel jekk għandux piż żejjed jew le.
Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en