Aktar attivitajiet mużikali għal dan is-sajf
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, qal li din is-sena ser tkun waħda eċċezzjonali għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mużikali u kulturali li ser jikkontribwixxu mhux biss biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom fejn iqattgħu l-ħin liberu tagħhom, iżda anke biex nattiraw lejn pajjiżna turisti li huma mħajjra li jżuruna minħabba l-attivitajiet li jkunu qed isiru.
“Meta turist ikun jaf li f’pajjiż ser ikun hemm kantant favorit tiegħu, dan jagħmel ħiltu biex mal-vaganza jgħaqqad il-valur miżjud ta’ esperjenza li kieku ma kienx ikollu l-opportunità għaliha. Nafu li hemm ħafna turisti li qed iżuru pajjiżna għal dawn l-avvenimenti u ser inkomplu nagħmlu ħilitna biex ikun hemm aktar attivatijiet mużikali u tal-massa,”
Il-Ministru Zammit Dimech qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fil-lukanda Le Meridien f’San Ġiljan, meta nieda kampanja ġdida mill-‘General Soft Drinks Company Limited’ bl-isem ta’ ‘Drink, Peel and Win with Coca Cola and Music’, li tinkludi tlett avvenimenti mużikali.
Coca Cola għażlu l-kunċert minn Bryan Adams, il-XFM Musical Festival u l-Kunċert minn Renzo Arbore għall-Kampanja Mużikali tagħhom. Aktar avveniment ser jittellgħu f’Awissu. Il-Kunċert minn Bryan Adams se jkun f’Ġunju bl-XFM Musical Festival jittella’ warajh. Il-Kunċert minn Renzo Arbore ser jittella’ f’Lulju.
Il-Ministru qal li l-inizjattiva mill-kumpanija General Soft Drinks li toffri lill-klienti tagħha ċ-ċans li jirbħu biljetti għal dawn l-avvenimenti kienet waħda ta’ min jinkoraġġiha għaliex kienet qed tagħti lid-dilettanti tal-mużika miż-żgħar sal-kbar, l-opportunita’ li jesperjenzjaw avvenimenti hekk kbar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li wara l-esperjenza li kellna s-sena l-oħra meta organizzajna għall-ewwel darba Notte Bianca fil-belt Valletta, din is-sena diġa organizzajna n-Notte Magica u fil-weekend li għadda, Lejlet Lapsi Notte Gozitana li kienet suċċess mill-aqwa. Hu qal li dawn is-suċċessi juru bl-aktar mod ċar li l-poplu jrid attivitajiet bħal dawn li jiġbru flimkien familji u nies ta’ kull età f’divertiment fiż-żgur.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kunċerti li qed jittellgħu minn kantanti prominenti barranin f’pajjiżna jikkumplimentaw l-attivitajiet organizzati mill-Ministeru tiegħu u organizazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu; u għalhekk il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kien qed jinkorraġihom b’kull mod.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fi żmien meta l-kompetizzjoni fis-settur turistiku qed tikber, l-attivitajiet kulturali u tal-massa li qed jiġu organizzati qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jgħolli l-livell tal-prodott turistiku tiegħu u biex b’hekk aktar turisti jżuru pajjiżna. Dan kollu qed isir ukoll bħala parti mit-twettiq tal-Pjan Nazzjonali tat-Turiżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en