50 Sena ta’ Football fl-Imqabba
Il-Ministru responsabbli mill-isport, Dr. Louis Galea, inawgura sala li ġiet immodernizzata fil-każin tal-futbol ta’ l-Imqabba, li din is-sena qed jiċċelebra l-ħamsin sena mit-twaqqif ta’ l-Imqabba Football Club kif ukoll l-20 sena minn meta beda l-bini tal-Każin, li hu wieħed mill-aħjar każini sportivi f’pajjiżna. “Hu ta’ sodisfazzjon li tara każini u organizzazjonijiet jikbru, jiżviluppaw u jimxu ‘l quddiem. Għoxrin sena ilu, meta l-Gvern flimkien mal-Klabb tajna bidu għall-bini tal-każin, kellna ħolma u bil-mod din il-ħolma qed issir realtà,” qal il-Ministru Louis Galea waqt l-inawgurazzjoni tas-sala li biha qed tibda sena ta’ attivitajiet li mistennija jintemmu fil-ftuħ uffiċjali tal-każin li qed jiġi mmodernizzat.
Is-sala li ġiet inawgurata hi sala multi-purpose li se tintuża biex fiha jkun jista’ jsir sport differenti. Is-sala qed tissemma għall-mibki Joe Bugeja, ex-player ma’ l-Imqabba FC u promotur mill-aqwa ta’ l-isport f’dan ir-raħal. Meta tkellem dwar Joe Bugeja, il-Ministru Galea qal li kellu bżonn li f’kull belt u raħal ikun hemm nies bħal Bugeja li b’dedikazzjoni u b’imħabba vera għall-isport, imexxu ‘l quddiem l-ispirtu u l-ideali sportivi biex b’hekk ikollna komunitajiet aħjar u aktar b’saħħithom. Hu temm jgħid li Joe Bugeja u hu trabbew flimkien u jaf kemm ħadem favur l-isport fl-Imqabba u għalhekk hu xieraq ħafna li persuna li tat tant eżempju tajjeb, tkun ikona għall-Imqabbin kollha permezz ta’ din it-tifkira.
Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ta l-għajnuna tiegħu biex il-proġett tas-sala seta’ jitlesta kif ukoll biex jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet sportivi. Minbarra dan, il-Kunsill Malti għall-iSport alloka Lm20,000 (€ 46,587) lill-Imqabba FC għall-immodernizzar tal-‘ground’ tal-futbol u faċilitajiet anċillari. L-Imqabba FC issa għandhom ‘ground’ imdaqqas bit-turf artifiċjali u b’faċilitajiet moderni li jinkludu ċ-changing rooms għall-‘players’.
Louis Galea qal li din hija sena mportanti għall-Imqabba FC għax minbarra li qed tiċċelebra dawn l-anniversarji, it-tim issa reġa’ rebaħ u ġie promoss għall-Premier League.
Il-Ministru semma’ kif il-Gvern qed jgħin lil diversi għaqdiet ta’ l-isport permezz tal-Kunsill Malti għall-iSport kemm permezz ta’ għajnuna finanzjarja diretta, kif ukoll permezz tal-faċilitajiet sportivi li fihom sar u qed isir investiment sostanzjali biex dawn ikomplu joktru u jitjiebu. Louis Galea qal li l-Kumpless Reġjonali li qed jinbena f’Ħal-Kirkop u li minnu żgur li se jgawdu wkoll l-Imqabbin, miexi b’rittmu mgħaġġel u hu mistenni li sa l-aħħar ta’ din is-sena x-xogħol fuq il-bini jkun lest.
Louis Galea qal li f’dawn l-aħħar għaxar snin il-Gvern se jkun investa aktar minn Lm 13-il miljun (€30.28 miljun) fl-isport bejn l-ispiża kapitali ta’ aktar minn ħames miljun lira (€11.64 miljun) u l-ispiża rikorrenti ta’ aktar minn tmien miljun lira (€18.63 miljun). F’dawn l-aħħar 3 snin il-Gvern investa Lm 3.7 m (€ 8.62 miljun) f’infieq kapitali u rikorrenti. Din in-nefqa tinkludi l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern għadda lill-Kumitat Olimpiku Malti biex Malta tieħu sehem f’avvenimenti sportivi internazzjonali.
Din is-sena il-Kunsill Malti għall-iSport għadda s-somma ta’ Lm155,000 (€ 361,052) lil dan il-Kumitat biex atleti Maltin jieħdu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Monaco fil-bidu tax-xahar id-dieħel. Minbarra dan, l-għaqdiet sportivi ingħataw għajnuna finanzjarja diretta ta’ Lm 350,000 (€ 815,280) mill-Good Causes Fund, Lm 700,000 (€ 1,630,561) mill-KMS u Lm10,000 (€ 23,293) fi sponsorships mill-Ministeru ta’ l-iSport.
Il-Ministru qal li fl-Imqabba l-Gvern kien qed iwettaq diversi proġetti partikolarment fl-iskola primarja biex ikollha faċilitajiet mill-aqwa. Wara li kienet estiża l-iskola ta’ l-Imqabba, inbniet sala mdaqqsa għall-komunità u taħt l-istess sala hemm spazju kbir li ukoll se jintuża mill-iskola u mill-komunità.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en