Left arrow Mur Lura

It-tagħlim ta’ l-imprenditorija ser jibda jingħata fl-iskejjel primarji

PR0741
Date Icon 18/05/2007

“L-imprenditorija hi waħda mill-ħiliet bażiċi li jingħataw lill-istudenti.  Għalhekk, huwa bi pjacir kbir għalija li s-Segretarjat tieghi, flimkien mal-Ministeru taż-Żgħażagħ, Xogħol u Impjiegi, u l-Young Enterprise, wara xhur sħaħ ta’ diskussjonijiet, wasalna għal ftehim sabiex jigi ntrodott u formalizzat it-tagħlim ta’ l-imprenditorija fl-iskejjel Maltin.” Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha tħabbar li ser jiġi ntrodott program ta’ tagħlim ta’ imprenditorija fl-iskejjel primarji. 

“Bil-kollaborazzjoni tal-Young Enterprise Malta, ser inkunu qed nintroduċu programm ta’ tagħlim ta’ l-imprenditorija li jinħadem ukoll barra minn Malta.  Ta’ min jinnota li, ladarba dan il-programm jinfirex fost l-iskejjel primarji tal-Gvern kollha, li huwa l-għan tal-Gvern f’dan ir-rigward, Malta ser tkun l-ewwel pajjiż li tkun ħadet l-inizjattiva sabiex tintroduci dan il-programm fl-iskejjel kollha Governattivi.  F’postijiet oħra fl-Ewropa, dan il-programm huwa introdott fi skejjel privati jew uħud biss mill-iskejjel.  Illum qegħdin inħabbru l-proġett pilota, iżda s-sena d-dieħla ser inkunu qegħdin nintroduċu dan il-programm fl-iskejjel primarji kollha”. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kompla biex jispjega li “dan il-programm ser ikun qiegħed, bl-aktar mod elementari, jgħin lil studenti tal-primarja sabiex jifhmu aħjar l-importanza ta’ attivita’ kummerċjali fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.  Il-kunċetti ta’ flus, tpartit, bank, muniti ta’ l-ewro, xiri u bejgħ, ser ikunu spjegati permezz ta’ eżempji prattiċi u bl-aktar mod faċli għalihom.” 

Preżenti wkoll għat-tnedija ta’ dan il-programm kien hemm is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru taż-Żgħażagħ, Xogħol u Impjiegi -  is-Sur Frans Borg, flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg, rappreżentanti tal-Young Enterprise u l-kapijiet ta’ l-iskejjel li qegħdin jipparteċipaw fil-programm.  Is-Sur Frans Borg qal li “l-imprenditorija hi l-abilita’ ta’ l-individwu li jibdel ideat f’attivita’, kif ukoll l-abilita’ li jippjana u jimmaniġja proġetti biex jilħaq objettiv.  Li l-istudenti jiġu mħarrġa f’dawn il-ħiliet hu l-għan tagħna, u l-għan tal-kollaborazzjoni li nħolqot bejn il-Ministeru taż-Żgħażagħ, Xogħol u Impjiegi, s-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, u l-Young Enterprise.  Aħna qegħdin niffukaw fuq dawn il-ħiliet.  It-tagħlim ta’ l-imprenditorija ma jistax jitqies bħala ‘add-on subject’ iżda bħala ħiliet li huma importanti mhux biss għal min jixtieq jiftaħ negozju, iżda li għandhom jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum u fis-suġġetti kollha.  Dan huwa tagħlim attraenti li jsir permezz ta’ ‘learning by doing’”. 

Dr. Karl Briffa mill-Young Enterprise ta spjegazzjoni ta’ kif ser jaħdem dan il-programm, li jissejjaħ il-Young Enterprise Junior Achievement Programme, u qal li ser ikun imqassam fuq 6 snin tal-livell primarju u għandu sitt temi, li huma: 


§               Ourselves
§                    Our Family
§                    Our Community
§                    Our City
§                    Our Nation
§                    Our World

B’dan il-mod kull tema ser tkun torbot ma’ oħra sabiex ikun hemm proċess gradwali li jwassal lill-istudenti tal-primarja biex jikbru f’esperjenza ta’ imprenditorija. 

“Il-Gvern jemmen li esperjenzi bħal dawn, ta’ tagħlim ta’ l-imprenditorija, għandhom jibdew mil-livelli baxxi ta’ l-edukazzjoni, jiġifieri dawk tal-primarji, sa l-edukazzjoni terzjarja.  Bħala pajjiż aħna nistgħu nirbħu fil-kompetizzjoni billi kollha kemm aħna inħaddnu kultura miftuħa għan-negozju.  Hemm bżonn li napprezzaw aktar l-importanza li jiġi mgħallem il-valur tas-servizz, u l-programm li qegħdin inniedu llum hu pass fid-direzzjoni t-tajba. 

“F’dan il-proġett pilota ser ikunu qegħdin jipparteċipaw l-istudenti tal-ħames sena ta’ l-iskejjel fis-sitt kulleġġi ta’ Malta u Għawdex.  Kull sena ser jibda jkun hemm proġett pilota qabel ma jkun ‘phased in’ il-proġett għas-snin kollha.  Huwa ta’ unur għalina li dan il-proġett huwa best practice magħzul mill-Kummisjoni Ewropea. 

“Dak li qegħdin ninawguraw illum huwa avveniment importanti, li għandu jkompli jgħin, biex permezz ta’ l-edukazzjoni, l-istudenti tagħna, mill-primarja sa l-Universita’ qiegħed ikun imnissel fihom ħsieb li għandu jgħinhom jifmhu aħjar xi jfisser il-valur imprenditorjali fl-attivita’ kummerċjali, jew f’attivita’ oħra ta’ servizz.  Fl-istorja ta’ l-iżvilupp ta’ l-edukazzjoni, dan l-iżvilupp huwa milestone,” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

Aktar Stqarrijiet Right arrow