Left arrow Go Back

Jingħata bidu għax-Xogħlijiet fi Strada Merkanti, l-Belt Valletta

PR0735
Date Icon 18/05/2007

L-infrastruttura tal-Belt kapitali ta’ pajjiżna ilha għal dawn l-aħħar snin tingħata prijorita’ u tinsab fuq quddiem nett fl-aġenda tal-politika tal-Gvern, politika li hi ntiża li ttejjeb l-ambjent kollu ta’ din il-belt fortifikata. L-investiment finanzjaru fl-aħħar snin juri l-impenn u d-determinazzjoni tal-Gvern sabiex fil-Belt kapitali, filwaqt li tingħata dehra isbaħ u aħjar, jiġi kkonservat u rijabiltat il-wirt storiku. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur ix-xogħlijiet li bdew fl-aħħar ġranet, xogħlijiet li huma parti mill-proġett sħiħ tal-pavimentar u t-titjib taż-żona pedonali tal-Belt Valletta.

Dan il-proġett setgħa jibda wara xhur sħaħ ta’ konsultazzjoni bejn il-Ministeru, l-entitajiet tas-servizzi u s-settur kummerċjali. Il-proġett se jkopri, fost oħrajn Strada Merkanti, Triq San Gwann u d-dawra taz-zuntier tal-Kon Katidral. Il-proġett hu bażikament maqsum f’żewg fażijiet – l-ewwel fażi tkopri il-parti ta’ Strada Merkanti minn Triq l-Arcisqof sa mad-dawra taz-zuntier tal-Kon Katidral u t-tieni fażi tkopri l-kumplament jiġifieri minn Triq San Ġwann sal-Pjazza ta’ Kastilja.

Id-disinn tal-pavimentar ta’ Strada Merkanti ser ikun simili għal dak applikat fi Triq ir-Reppublika u dan sabiex dawn iż-żewġ toroq prinċipali tal-Belt ikunu uniformi kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-materjal kif ukoll id-disinn. Id-disinn tal-parti ta’ quddiem San Gwann ser tkun differenti.

Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet il-Ministru Ninu Zammit qal li kull fażi tinkludi diversi xogħlijiet li bażikament ser isiru qabel ma jibda jitpogga l-madum. Is-sekwenza tax-xogħlijiet ser tkun maqsuma fi tħaffir tat-trinek neċessarji sabiex jgħaddu s-servizzi meħtiega, tpoġġija tas-servizzi li jinkludu l-ilma, d-dawl u sistema ġdida tal-ġbir ta’ l-ilma tax-xita, tiswija tal-manholes tas-sistema tad-drenaġġ, tneħħija tal-materjal sabiex jiġu rrispetati l-livelli li hemm illum u nstallazzjoni tas-sistema ġdida ta’ dawl li ser iddawwal il-faċċati tal-bini storiku.

Matul l-iskavar tat-triq preżenti ser tingħata attenzjoni lil xi madum tal-lava li jista` jinstab taħt il-wiċċ tat-triq u hu maħsub li jekk jinstab xi materjal dan ser jintuża f’toroq oħra ġol-belt. Wara li jitlestew ix-xogħlijiet kollha ser tingħata sodda tal-konkos rinfurzat sabiex b’hekk ikun jista` jitpoġġa  l-madum fuq bażi soda. Ma dawn ix-xogħlijiet ser jikkumplimentaw xogħlijiet oħra fosthom restawr ta’ erba binjiet storiċi li huma ppozizzjonati fl-istess żona, Monte di Pieta, il-binja tas-Suq l-antik, il-ġemb tal-Kon Katidral ta’ San Gwann u l-bini tar-Reġistru Pubbliku.

Iż-żona kollha li ser tkun pavimentata tkopri area ta’ ‘l fuq minn 10,000 metru kwadru u l-materjal li ser jintuza ser ikun imżewwaq b’madum tal-porvido u madum tal-ġebla tal-qawwi. Il-Ministru kompla li sabiex l-attivita` f’din iż-żona ma tkunx imxekkla, sakemm hu teknikament possibli, ġie nstallat hoarding bil-għan li l-pubbliku u t-turisti li jżuru l-Belt jibqa` jkollhom aċċess pedonali u l-attivita` kummerċjali tibqa topera mingħajr xkiel. Barra minhekk ingħatat importanza partikolari sabiex is-sit tal-kostruzzjoni ikun imħares l-aspett tas-saħħa u sigurta` kemm għall-ħaddiema nvoluti kif ukoll għall-pubbliku li jiffrekwenta din iż-żona. L-arranġamenti tas-sit ġew diskussi u maqbula mas-sidien tal-ħwienet kollha u mal-GRTU.

L-istima tal-proġett kollu taqbez il-Lm1 miljun (€2,329,373) u l-perjodu tal-proġett kollu ser ikun ta’ madwar disa xhur, b’waqfien fil-festi marbuta mal-Belt u fil-perjodu tal-Milied. Ix-xogħol qed isir mill-ħaddiema tal-Gvern flimkien ma’ numru ta’ kuntratturi taħt is-supervizjoni tal-periti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.

Il-Ministru Ninu Zammit akkumpanjat mill-Ministru Austin Gatt u mis-Sindku tal-Belt Valletta, Dr. Paul Borg Olivier qal li dan il-proġett hu element ieħor mill-programm kollu li qed jimplimenta l-Gvern sabiex filwaqt li jiġi mmaniġġjat aħjar it-traffiku ġol-Belt Valletta, tiżdied iż-żona pedonali fil-Belt Kapitali. Dan il-proġett hu parti ntegrali mill-pjan ħolistiku varat fl-aħħar xhur, pjan li telaq permezz ta’ l-introduzzjoni tal-Park and Ride, introduzzjoni tas-sistema tal-kontroll tal-vetturi li jidhlu l-Belt (CVA) u issa bl-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tal-pavimentar taż-żoni pedonali.

Sussegwentament il-proġett għandu jitkompla b’żoni oħra fosthom Pjazza San Gorg u Pjazza Kastilja sabiex eventwalment il-Belt Kapitali ta’ pajjiżna tkun indukrata u kkonservata kif jixraq.

Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit irringrazzja lil entitajiet kollha nvoluti fit-twettiq ta’ proġett hekk ambizzjuż, fosthom il-Ministeru ta’ l-Investiment,  Industrija u Teknologija ta’ l-Informatika, l-Enemalta, il-WSC, Melita Cable, Maltacom u l-Kunsill Lokali, kif ukoll lill-poplu tal-Belt, li bil-koperazzjoni tagħhom ix-xogħol qed jiġi mwettaq b’kordinazzjoni assoluta sabiex il-programm stabbilit jiġi segwit u osservat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

More Press Releases Right arrow