Status ta’ Bandiera Blu għall-bajja ta’ San Ġorġ
“Is-suċċess tal-proġett ta’ tisbiħ tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan ifisser għall-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta u għall-Ministeru tiegħi li qed nipprovdu prodott turistiku ta’ kwalità; prodott fejn l-ambjent hu mmaniġġjat b’tali mod li jiżgura li l-livelli ambjentali u ta’ kwalità jinżammu filwaqt li ninkoraġġixxu r-rekreazzjoni.” Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda l-istatus tal-Proġett Pilota tal-‘Bandiera Blu’ għall-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet organizzata mit-Taqsima ta’ l-Iżvilupp ta’ Ippjanar tal-Prodott tal-MTA.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Programm ‘Bandiera Blu’ hu skema volontarja ta’ ċertifikazzjoni għal xtajtiet u marinas li taħdem biex iġġib flimkien is-setturi tat-turiżmu u l-ambjent. Il-bajja ta’ San Ġorġ kienet l-ewwel waħda li l-MTA ipproponiet għall-istatus ta’ ‘Bandiera Blu’ (Blue Flag).
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li wara l-isforzi li għamilna biex niżguraw li din il-bajja tikkonforma mal-kriterji tal-‘Bandiera Blu’, irnexxielna nieħdu status ta’ proġett pilota ‘Bandiera Blu’. “Din hi l-ewwel bajja f’Malta li ngħatat din iċ-ċertifikazzjoni, u aħna kburin li nikkonfermaw li din il-bajja hi mmaniġġjata skond il-ħtiġiet tal-‘Bandiera Blu’, li jinkludu kriterji iebsa f’dik li hi kwalità ta’ l-ilma; indafa; sigurtà u immaniġġjar; għoti ta’ informazzjoni u edukazzjoni ambjentali.”
Meta rrefera għall-edukazzjoni ambjentali, il-Ministru Zammit Dimech qal li għandna Programm Edukattiv li se jiġi mplimentat tul is-sena d-dieħla biex ikun edukat il-pubbliku dwar il-bajja u l-immaniġġjar tagħha. Hu qal li l-attivitajiet ser jinkludu tagħlim dwar il-bajja u l-ħajja u l-ħxejjex li hemm f’qiegħ il-baħar.
“L-immaniġġjar tal-bajjiet skond kriterji tal-‘Bandiera Blu’ ifisser li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura qed jieħu pożizzjoni ntegrata, billi fost affarijiet oħra jappoġġja politika dwar sigurtà, kwalità ta’ l-ilma, edukazzjoni ambjentali, immaniġġjar ta’ l-iskart u l-immaniġġjar tar-rekreazzjoni bbażata fuq in-natura u s-siti fejn jitqiegħdu faċilitajiet turistiċi,” qal il-Ministru Zammit Dimech.
Huwa nnota li l-proġett pilota ‘Bandiera Blu’ ser juri li, meta bajja tkun ippjanata u immaniġġjata tajjeb, ir-rikreazzjoni tista’ tnaqqas l-impatti fuq l-ambjent kostali u tinstiga xejra lejn turiżmu sostenibbli li jħalli u jinkoraġġixxi żvilupp filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali.
Il-Ministru Zammit Dimech staqsa x’għandu jistenna li jiggwadanja l-pubbliku minn dan il-proġett pilota ‘Bandiera Blu’. Hu qal li ser inkomplu naraw titjib fil-kwalità ambjentali ta’ l-inħawi minħabba li l-bandiera Blu tingħata fuq bażi annwali u għalhekk l-immaniġġjar ta’ l-inħawi skond livelli għoljin irid jinżamm biex jiġi żgurat li l-bajja tkompli tiġi reklamata bi status ta’ Bandiera Blu.
Il-Ministru Zammit Dimech żied li l-proġett pilota jgħin biex kulħadd jsir aktar konxju ta’ dan kollu u biex jiġi żgurat li dak li hu meħtieġ fil-bajja jinżamm.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li mill-2002 ’l hawn l-MTA diġa’ implimentat l-Eco-Certification Scheme, l-eco-label għal-lukandi. Hu qal li parteċipazzjoni fil-Programm ‘Bandiera Blu’ jestendi din il-ħidma, u jipprovdi lit-turisti bi prodott ta’ kwalità fejn jagħżlu li joqgħodu matul il-vaganza tagħhom u fejn jagħżlu li jgħumu filwaqt li żied li dawn l-inizjattivi huma ċ-ċavetta tal-politika tal-Gvern biex jippromwovi t-turiżmu sostenibbli.
“Aħna kburin li niddikjaraw il-bajja ta’ San Ġorġ bħala bajja ta’ proġett pilota ‘Bandiera Blu’ u nħarsu ’l quddiem lejn involvement minn stakeholders differenti inkluż il-pubbliku ġenerali, negozji lokali, sidien lokali tad-dgħajjes, tfal ta’ l-iskola u organizazzjonijiet oħra interessati, biex niżguraw li din il-bajja żżomm l-istatus ta’ ‘bandiera Blu’. Nisperaw li din tkun l-ewwel fost diversi inizjattivi simili,” temm jgħid il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Programm ‘Bandiera Blu’ hu eco-label internazzjonali rikonoxxuta minn operaturi turistiċi u operaturi ta’ l-ivjaġġar. Din hi amministrata mill-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali li f’Malta hi rappreżentata minn Nature Trust.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en