Il-PRIM MINISTRU L-ONOR LAWRENCE GONZI JĦABBAR IL-FTUĦ TA’ PARK TA’ NATURA U STORJA FIL-MAJJISTRAL TA’ MALTA
Il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, illum ħabbar l-inizjattiva tal-Gvern li jsir Park ta’ Natura u Storja fil-Majjistral ta’ Malta. Dan il-park se jitmexxa minn żewġ NGOs li jaħdmu fis-settur ta’ l-ambjent, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust. Għal dan il-għan kienet iffirmata letter of intent bejn il-Gvern u dawn l-għaqdiet ambjentali.
Waqt Konferenza Stampa fil-Berġa ta’ Kastilja, l-Prim Ministru beda billi ħabbar id-deċiżjoni tal-Gvern li jwaqqaf il-proċess tal-golf course li kien propost biex isir fix-Xagħra l-Ħamra. Dan wara li l-Gvern analizza r-rapporti li tħejjew minn grupp ta’ speċjalisti fejn ħareg li golf course fuq dan is-sit kien se jirrikjedi żvilupp sostanzjali u allura dan imur kontra d-dikjarazzjonijiet pubbliċi li dejjem saru li l-golf course ma kienx se jsir akkost ta’ kollox.
Il-Prim Ministru qal li dan il-park huwa eżempju ħaj ta’ l-impenn tal-Gvern li jħares u jsaħħaħ l-ambjent u jżid l-spazji ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin. Dan qed jagħmlu f’koperazzjoni kontinwa ma’ l-NGO’s li bil-ħidma volontarja tagħhom jagħmlu xogħol utli fl-ambjent lokali. Dr Gonzi tenna li bl-inizjattiva tal-Gvern, il-pubbliku u ġenerazzjonijiet futuri qed jingħataw aktar opportunitajiet fejn igawdu l-ambjent naturali.
Dr Gonzi qal li qed ikun preparat pjan ta’ mmaniġġjar li jirregola l-attivitajiet li jsiru fis-sit tal-Park, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-gżira ta’ Malta, kemm bħala daqs kif ukoll fil-kwalita’ tax-xenarju tiegħu. Il-Prim Ministru qal li d-daqs tas-sit huwa ekwivalenti għal ħames darbiet id-daqs tal-Belt Valletta jew għal madwar 371 ground tal-football.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li dan mhuiex l-uniku proġett sostanzjali li qed iwassal biex jissebbaħ l-ambjent naturali u jinħolqu aktar spazji miftuħa biex jitgawdew mill-pubbliku. Hu fakkar f’numru ta’ proġetti oħrajn fosthom dak ta’ afforestazzjoni fi Xrobb l-Għaġin, il-Park tas-Salina, t-tkabbir tal-Park ta’ Ta’ Qali kif ukoll numru ta’ inizjattivi oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en