GħajnunA finanzjarji gĦAl negozji sabiex jesportaw barra mill-pajjiż
“Aħna nemmnu fil-potenzjal tan-negozji żgħar tagħna, u għalhekk se nkunu qegħdin naħdmu flimkien mal-Malta Enterprise sabiex jinħolqu l-ewwel export houses f'Malta. Dawn l-export houses se nkunu qegħdin iġibu flimkien numru ta' negozji żgħar sabiex jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom barra minn Malta. Bħala parti minn din il-ħidma qegħdin inħabbru skema pilota mnedija mill-Malta Enterprise li se nkun qed tipprovdi assistenza finanzjarja għal dawk in-negozji li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom barra minn Malta. Din l-iskema se tissejjaħ ‘Network Brokerage’.” Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo waqt li kien qiegħed jitkellem fil-preżentazzjoni ta’ din l-iskema.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “minkejja l-prodotti ġenwini u ta' kwalita’ tan-negozji żgħar Maltin, xorta waħda qed ikun hemm diffikultajiet sabiex dawn jibdew jesportaw barra minn Malta. Għaldaqstant irid ikun hemm export houses li kapaċi jesportaw huma l-prodotti u servizzi barra minn Malta f'isem dawn in-negozji. F’Malta għandna ħafna importaturi iżda għad hemm ftit li jesportaw. Hemm bżonn li issa jibda jkollna aktar nies li jesportaw.”
Il-preżentazzjoni bl-informazzjoni kollha dwar din l-iskema ngħata minn Dennis Vella mill-Malta Enterprise, li spjega li l-assistenza li se tingħata se tinkludi:
1. Is-servizzi ta’ business advisor li se jgħin biex jibdew jinstabu swieq ġodda
2. Se jitħallas sa 60% ta’ l-ispejjeż relatati ma’ l-impieg ta’ Network Manager, sa massimu ta’ €25,000 per annum. Din l-għajnuna se tingħata għal perijodu ta’ mhux aktar minn sentejn, u l-Malta Enterprise tkun sodisfatta bil-kapaċitajiet u l-esperjenza tan-Network Manager li jinħhatar (li ma jistax ikun diġa impjegat min-Network Brokerage)
3. Sa 60% ta’ l-ispejjeż għall-iżvilupp ta’ kompetittivita’ internazzjonali tan-Network Brokerage.
Se jitħallsu wkoll:
a. Sa 60% ta’ l-ispejjeż biex il-membri jipparteċipaw f’fieri u laqgħat ta’ business
b. Żvilupp tal-prodott (sa 60% ta’ l-ispejjeż)
c. Servizzi għall-iżvilupp tas-suq (sa 60% ta’ l-ispejjeż), bħalma huma l-parteċipazzjoni f’fieri u attivitajiet oħra, inkluż spejjeż ta’ kiri tal-faċilitajiet u biex titlesta l-istand; żvilupp ta’ prodotti ġodda jew li diġa` jeżistu; żvilupp ta’ materjal ta’ promozzjoni; ċertifikazzjoni ta’ prodotti.
L-Onor. Vassallo qal li “hemm bżonn li nimlew il-vojt li hawn bejn in-negozji żgħar tagħna u s-suq Ewropew. Dawn in-negozji ż-żgħar għandhom suq tajjeb hawn, iżda qegħdin isibuha bi tqila biex jippromwovu l-prodotti tagħhom barra.”
“F’Malta kien hawn kumpaniji li rnexxielhom jesportaw il-prodotti tagħhom, iżda dawn il-kumpaniji għadhom ftit, u kellhom ir-riżorsi kollha biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ ta’ l-opportunitajiet li jeżistu. Dawn l-istejjer ta’ suċċess juruna li huwa possibbli għal negozji Maltin li jpoġġu l-prodotti tagħhom fis-suq Ewropew. Iżda hemm “missing link” li hemm bżonn li jimtela’ minn persuni li huma lesti li jiżvolġu dan ir-rwol ta’ go-between u b’hekk iqarrbu l-prodott lokali mas-suq barrani,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en