L-aħħar Xogħlijiet ta’ Tisbiħ fi Ġnien il-Mall, Furjana
Matul dawn l-aħħar erba’ snin ix-xogħlijiet li saru fil-Belt Valletta u l-Furjana kienu estensivi u jvarjaw minn xogħlijiet ta’ tisbiħ f’ġonna pubbliċi sa restawr tas-swar, knejjes, kappelli u monumenti li huma sinonimi ma’ din iż-żona. Dan ix-xogħol ser ikompli fi snin li ġejjin bil-għan li l-ambjent infrastrutturali ta’ żona daqshekk importanti f’pajjiżna jkompli jiġi mtejjeb fuq standards għoljin sabiex b’hekk l-istess żona tiġi mżejna u ndukrata kif jixirqilha. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iżur l-aħħar xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fi Ġnien il-Mall fil-Furjana.
L-iskop ewlieni tal-proġett hu li titjieb id-dehra ta’ dan il-post storiku fuq livelli għoljin u b’materjal li jixraq lill-ġonna ta’ dan it-tip. Il-proġett inbeda fil-bidu ta’ din is-sena u mistenni li jintemm fil-ġimgħat li ġejjin. Fadal biss li jkompli jiġi msewwi l-ħajt tad-dawra, jitwaħħal ir-railing dekorattiv ġdid, tiġi nstallata sistema ġdida ta’ dawl, tpoġġija ta’ tankijiet għall-ħażna ta’ ilma għat-tisqija kif ukoll jiġu mpoġġija l-kumplament tal-garden furniture.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet kollha li saru f’dan il-ġnien, il-Ministru Ninu Zammit qal li għall-pavimentar qed jintużaw żewġ materjali differenti. Dawn huma l-ġebla tal-franka, u l-granit. Qabel seta’ jsir il-pavimentar il-ġdid inqala il-wiċċ il-qadim u l-kurduna ta’ ġewwa.
Waqt li kien qiegħed isir dan ix-xogħol tqegħdu servizzi ġodda fosthom cables tat-telefon u dawl, u pajpijiet ta’ l-ilma għat-tisqija. It-tul kollu tal-ġnien hu ta’ madwar 350 metru u l-area tal-pavimentar tkopri medda ta’ madwar 4,000 metru kwadru.
Ix-xogħol fuq il-ħajt ta’ barra kien jinkludi l-qlugħ u bdil ta’ xi ġebel li tmermer u tberfil tal-fili kollha. Ir-railing ta’ bejn il-pilastri qiegħed jinqala biex jinbidel b’xogħol ġdid. B’kollox ser ikunu nbidlu madwar 600 metru tul.
Dan ir-railing qed jiġi mmanifatturat mill-ħaddiema stazzjonati fil-garaxx tal-gvern fejn qed jiġu mmanifatturati wkoll madwar 90 bank ta’ l-injam u 50 kontenitur ta’ l-iskart. L-aħħar xogħlijiet jinkludu wkoll it-tħaffir ta’ ġiebja zgħira għall-ħażna ta’ ilma biex it-tisqija tal-ġnien issir b’mod aktar effiċjenti.
Fl-aħħarnett il-Ministru tenna li dan il-ġnien ser jgħaqqad max-xogħlijiet li saru fuq il-Barakka t’isfel, il-Barakka ta’ Fuq u Ġnien Hastings, liema xogħol totali jirrifletti f’investiment ta’ ‘l fuq minn Lm700,000 (€1,630,561) f’tisbiħ ta’ ġonna nazzjonali fil-Furjana u l-Belt Valletta biss. Il-ħidma tal-Ministeru f’dan il-qasam ser tkompli fix-xhur li ġejjin permezz ta’ kostruzzjoni ta’ ġonna oħra madwar il-pajjiż.
Hawnhekk il-Ministru Ninu Zammit ħabbar li fil-futur qarib ser jinbeda xogħol fuq il-kostruzzjoni ta’ Outdoor Sports Complex flimkien ma’ ġnien Pubbliku fiż-Zurrieq, li ser ikun jinkludi pitch tal-football, multi purpose pitch, gymnasium, sports facilities u ġnien.Stqarrijiet Oħra:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en