L-Artiġjanat agrikolu jibbenefika minn għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo u s-Segretarju Parlamentari Dr. Francis Agius żaru r-razzett ta’ produttur tal-ġbejniet fil-Buskett, limiti tar-Rabat. “Il-Gvern huwa impenjat li jgħin lill-produtturi tal-ġbejniet biex ikomplu jsaħħu l-pożizzjoni tal-prodott tagħhom kemm f’Malta, kif ukoll barra minn Malta. Biex dan is-settur jiġi mgħejjun aħjar, il-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser jgħin numru ta’ produtturi u raħħala biex jipparteċipaw fi proġett ta’ l-Unjoni Ewropea,” qal is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed Edwin Vassallo.
L-isem tal-proġett li ser ikunu qegħdin jipparteċipaw fih jismu “Crafts: Reaching Higher EU Standards” u ħmistax-il parteċipant ser jintagħżlu mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat. Il-parteċipanti ser imorru l-Italja bil-kollaborazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ Taljana u ser ikollhom l-opportunita’ li jitgħallmu dwar tekniċi fil-produzzjoni ta’ ġbejniet simili, kif ukoll ser ikunu qegħdin jiltaqgħu ma’ produtturi bħalhom fl-Italja. Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed applika għal dan il-proġett f’isem il-parteċipanti, u ż-żjara għandha ssir fi żmien tliet xhur.
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo qal li “wara li fil-ġimgħat li għaddew organizzajna laqgħa mal-produtturi tal-ġbejniet, aħna ser inkunu qegħdin inżommu kuntatt ma’ dan is-settur biex nassiguraw li niffaċilitaw in-negozju għal dawn il-produtturi. Il-produzzjoni tal-ġbejniet Maltin huwa artiġjanat li jrid jiġi mgħejjun u li jrid jingħata dejjem aktar promozzjoni. Dan il-qasam ta’ bejgħ ta’ ikel tipikament Malti hu wieħed li jrid jiġi sfruttat aktar ukoll f’dak li huwa bejgħ barra minn pajjiżna. Dan huwa mod ieħor ta’ kif negozjanti u produtturi Maltin jistgħu jisfruttaw il-vantaġġi tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Prodotti bħalma huma l-ġbejniet, li huma tipikament ta’ Malta, ikollhom ċertu valur miżjud barra minn Malta, li ma jkollhomx prodotti oħra.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, Dr. Francis Agius għamel enfasi li l-produtturi għandhom jagħmlu l-prodott Malti kemm jista’ jkun b’mod tradizzjonali. Dr. Agius qal li huwa veru li m’għandniex art biżżejjed pero’ żgur li għandna nagħmlu sforz sabiex in-nagħaġ tagħna jieklu kemm jista’ jkun magħlef ta’ kwalita’ mill-art maltija bħal ġulbiena, silla, avena u alfalfa (din ta’ l-aħħar trid l-ilma).
Il-ġbejna tagħna trid tkun frott ta’ Malta, kompla Dr. Agius, sabiex tkun tista’ tifforma parti minn ikel mediterranju li llum huwa valutat ħafna. B’hekk ukoll jikber iċ-ċans li dan il-prodott ikollu protezzjoni reġjonali magħrufa mill-Unjoni Ewropea għax dan jinkludi l-parti ġeografika jiġifieri r-reġjun u r-riċetta. Anke għall-esportazzjoni, il-ġbejna trid tkun kemm jista’ jkun frott artna. Biex hekk ikollha l-identita’ tagħna u tkun tagħmel differenza minn prodotti oħra.
Dr. Agius ħeġġeġ lill-produtturi li meta jintalbu xi informazzjoni mid-Dipartiment għandhom jgħamluha “għax aħna, Ministeru u d-Dipartiment, nistgħu nġibu għajnuna mill-Unjoni Ewropea biss bil-għajnuna tagħkom. L-Unjoni Ewropea ma tagħti xejn mingħajr kontrolli stretti u allura huwa importanti li nagħmlu l-parti tagħna wkoll ħalli hekk dan is-settur ikun jista’ jgawdi ukoll mill-għajnuna dovuta.”
F’Malta rreġistraw 1,322-il raħħal tan-nagħaġ u mogħoż filwaqt li ġo Għawdex irreġistraw 588-il raħħal tan-nagħaġ u mogħoż.
F’Malta u Għawdex hawn madwar 12,300 nagħġa u 5,800 mogħża. L-Assoċjazzjoni Produtturi tal-Ġbejniet tan-Nagħaġ u l-Mogħoż għandha madwar 80 membru. In-numru ta’ produtturi tal-ġbejniet reġistrati mad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura huwa ta’ 312, u n-numru ta’ produtturi tal-ġbejniet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Artiġjanat huwa ta’ 16.
Dr Agius qal li s-soċjeta tagħna illum hija aktar konxja mis-saħħa u mill-indafa u għalhekk huwa importanti li tkomplu tejbu l-indafa u l-maniġġ fit-trobbija u fil-produzzjoni tal-ġbejniet. “Qegħdin f’dinja fejn il-kompetizzjoni hija xi ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajra u għalhekk huwa essenzjali li tibżgħu għas-suq u għall-konsumaturi u araw li tagħmlu t-tikketti fuq il-prodott anke jekk din twaħħluha mad-dixx li fih ikun esposti l-ġbejniet tagħkom biss. Fejn possibli dawn għandhom ikunu ppakkjati. Nieħu gost li f’dan ir-rigward imxejtu ħafna għalkemm għad hemm min jaħseb li dan il-prodott ma jistax jippakkja ruħu,” kompla Dr. Agius.
“Għamlu riklamar bi ħsieb għax illum dan il prodott irrid ikun magħruf sabiex dan il-prodott jerġa jieħu l-post li jixraqlu fil-kċina Maltija. Araw intom stess li dawn il-ġbejniet jkunu esposti biss għall-bejgħ f’postijiet diċenti u fejn hemm kesħa biżżejjed li ma tagħmilx ħsara lill-prodott tagħkom li finalment jagħmel riklam ħażin lilkom u lil produtturi l-oħra bħalkom.”
Dr. Agius temm jgħid, “li intom għandkom prodott delikat ħafna f’idejkom għax ħafna drabi jinbiegħ frisk, mhux bħal meta jkun ġobon maturat u allura ċertu mikrobi jkunu nqerdu. Allura ħudu ħsieb ħafna”.
Is-Segretarji Parlamentari Edwin Vassallo u Dr. Francis Agius żaru r-razzett tas-Sur Chris Zahra, li jrabbi 60 nagħġa u jipproduċi 440 ġbejna tan-nagħaġ kuljum minn ħalib pasturizzat (friski, nixfin u tal-bżar). Jipproduċi wkoll 460 ġbejna oħra kuljum minn ħalib li jixtri mingħand żewġ bdiewa oħra. Chris Zahra investa fi pasteuriser li kapaċi jippasturizza 200 litru ħalib kull 30 minuta.
Il-kumpanija ta’ Chris Zahra investiet bil-qawwi fil-produzzjoni tal-ġbejniet, u dan sar ukoll permezz ta’ għajnuna li rċieva minn fondi strutturali. Fil-fatt huwa rċieva fondi strutturali li ġew maqsuma bejn il-kostruzzjoni tar-razzett, ix-xiri ta’ tractor u l-attachments, ix-xiri ta’ power wash, u l-installazzjoni ta’ ventilation system. Irċieva wkoll għajnuna mill-Food Processing Scheme tal-Malta Enterprise biex jixtri il-pasteuriser.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en