Left arrow Go Back

FL-EWWEL GĦAXART IJIEM TAS-CVA JIDĦLU L-BELT AKTAR KAROZZI INDIVIDWALI MILLI KELLHOM IL-V LICENCE

PR0684
Date Icon 10/05/2007

Illum il-Ħamis, fl-għaxar jum tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-aċċess tal-karozzi għall-Belt Valletta daħlet it-33,000 karozza individwali fil-Belt Valletta. Dan ifisser li għaxart ijiem wara l-abolizzjoni tal-V Licence u l-ftuħ tal-Belt Valletta għal żjarat minn kwalunkwe karozza, inqabeż il-limitu l-antik ta’ kemm jistgħu jidħlu karozzi l-Belt. 

Dan seħħ waqt li kien qed isir ukoll tnaqqis kbir fil-konġestjoni tat-traffiku fil-Belt Valletta tant li fi kwalunkwe ħin tal-lejl jew nhar f’dawn l-għaxart ijiem kien hawn fil-Belt minimu ta’ madwar 350 spazju għal persuni deħlin minn barra l-Belt.

Bejn it-Tnejn, 30 t’April 2007 (l-aħħar ġurnata tas-sistema tal-V Licence) u t-Tlieta 8 ta’ Mejju 2007, il-Belt rat tnaqqis ta’ 57.2% fin-numru ta’ karozzi li damu fil-Belt aktar minn 5 siegħat. Karozzi li damu l-Belt aktar minn 8 siegħat naqsu bi 68.9%. 

L-ispazji li ħallew vojta dawn il-karozzi (madwar 500) intużaw aktar minn darba waħda mill-karozzi li ġew għal żjarat qosra. Fil-fatt il-karozzi li żaru l-Belt għal anqas minn siegħa nhar it-Tlieta 9 ta’ Mejju kienu 181.6% aktar milli ġew għal anqas minn siegħa nhar it-Tnejn, 30 ta’ April 2007. Il-karozzi li ġew il-Belt għal bejn siegħa u ħames siegħat nhar it-Tlieta 9 ta’ Mejju kienu 47% aktar milli ġew il-Belt għall-istess tul ta’ ħin karozzi fit-30 ta’ April 2007. 

Tendenzjalment żjarat ta’ ħames siegħat jew aktar (apparti tar-residenti) jkunu ta’ persuni li jiġu l-Belt għal raġunijiet ta’ xogħol waqt li żjarat ta’ ħames siegħat jew anqas ikunu għal xiri, żjarat lill-qraba jew qadi ieħor fil-Belt. 

Dan juri li l-ippjanar ta’ din is-sistema u l-oġġettivi tagħha ntlaħqu tant li l-prezz ta’ 35ċ fis-siegħa ħajjar aktar nies jiġu l-Belt biex iżuruha u jixtru minnha waqt li l-ispiża ta’ Lm2.80 għal ipparkjar ta’ aktar minn 8 siegħat ħajjar lil min kien jiġi hawn kuljum iċaqlaq il-karozza tiegħu għall-periferija jew juża mezzi oħra ta’ trasport. Fil-fatt fl-ewwel tlett ijiem tas-CVA ġiet reġistrata żieda ta’ ftit anqas minn 1% fl-użu tat-trasport pubbliku. Dan hu perċentwal tal-vjaġġi kollha tat-trasport pubbliku u m’hux unikament fil-ħin tal-bidu u t-tmiem tas-siegħat tax-xogħol. 

Dawn huma ċifri inkoraġġanti għall-aħħar u jxejnu għal kollox il-kritika ta’ l-Oppożizzjoni li qalet li l-Gvern ma ppjanax sew ir-riforma fl-immaniġġjar tat-traffiku tal-Belt. 

Ġurnata wara l-oħra din l-iskema qed toħloq opportunità għal min ilu ma jżur il-Belt jew jixtri mill-ħwienet tagħha biex issa jibdew jagħmlu hekk. Sehem sostanzjali mill-karozzi individwali li żaru l-Belt f’dawn l-għaxart ijiem kienu jappartjenu għal sidien li ma kellhomx il-V Licence f’April li għadda u li allura sa ġimgħatejn ilu l-anqas kieku riedu ma setgħu jidħlu fil-Belt. 

Dan sar waqt li tjiebet għall-aħjar il-ħajja tar-residenti tal-Belt li qed ukoll igawdu minn aċċessibilità għal djarhom minħabba li qed isibu wieħed mill-minimu ta’ 350 spazju għall-parkeġġ jistennihom f’kull ħin li jidħlu lura fi djarhom. 

Il-Gvern itenni l-impenn tiegħu li jkompli jsegwi l-maturazzjoni ta’ din l-iskema u kif it-traffiku jevolvi biex jadatta għal dan it-tibdil. Hu ċar iżda li t-tnaqqis tal-konġestjoni u t-titjib fl-aċċessibilità tal-Belt kienu oġġettivi ambizzjużi li ntlaħqu b’riżultat ta’ ppjanar serju u konsultazzjoni estensiva mal-partijiet kollha interessati.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

More Press Releases Right arrow