KUNDANNA QAWWIJA GĦAL ATT TA’ VANDALIŻMU LI SAR FUQ ELUF TA’ SIĠAR
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jikkundanna bla ebda riservi l-att vandalu li twettaq fis-sit ta’ afforestazzjoni magħruf bħala Foresta 2000 fil-Mellieħa. F’dan is-sit għaddej proġett ta’ afforestazzjoni mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent b’kollaborazzjoni mal-Birdlife u ma’ Din l-Art Helwa.
F’dawn l-aħħar tliet snin sar xoghol ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, fejn ħafna minnhom reġgħu nbnew mill-ġdid, tħawwlu eluf ta’ siġar, saru interventi ta’ kontroll kontra l-erożjoni tal-ħamrija, u sar ukoll xogħol ġenerali ta’ tisbiħ u manteniment tas-sit. Is-siġar milquta kienu mħawwla minn diversi tfal ta’ l-iskola u kumpanniji taħt l-iskema 34U (Tree for You) kif ukoll minn donazzjonijiet mill-Gvern Taljan.
Matul dan il-lejl, jew kmieni dalghodu, numru ta’ nies mhux magħrufa daħlu fis sit u qerdu dawn is-siġar żgħar li skond l-ewel stimi jlaħħqu għal madwar 3,000 siġra. Dan l-att vandalu wassal biex fi ftit ħin tħassar ħafna mix-xogħol li sar fl-aħħar erba’ snin.
F’dan l-att vandalu, il-maġġoranza tas-siġar sfaw imqaċċta, mgħawwġa, maqlugħa minn posthom u mitfugħin fl-art u saħansitra xi wħud minnhom sfaw ukoll issegati. Jidher biċ-ċar li dan kien xoghol ta’ grupp ta’ nies organizzati għaliex il-ħsara hi waħda kbira ħafna u testendi mill-Bajja tal-Mellieħa sa’ taħt it-Torri l-Aħmar.
L-att vandalu wassal ukoll biex ġew imwaqqa’ ħitan tas-sejjieħ li għadhom kemm inbnew u li jieħdu żmien u xogħol kbir biex jittellgħu.
Dan l-att vandalu mhux se jwaqqaf mill-isforzi tal-Gvern, u ta’ dan il-Ministeru, li jkompli bi proġetti ta’ tisbiħ u titjib ta’ l-ambjent. Il-Ministeru se jżid l-impenn tiegħu biex l-effetti ta’ dan l-att vandalu jkunu mmitigati fl-aqsar żmien possibli. Il-Ministeru jawgura li min hu responsabbli ta’ dan l-attentat kodard jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja.
Other Press Releases:
PR261964
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...
PR261963en