Left arrow Go Back

Iffirmar tal-kuntratt bejn l-FMS u l-MCAST għal madwar 600 biċċa ta’ arti għalL-ISptar Mater Dei

PR0677
Date Icon 09/05/2007

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech indirizza konferenza tal-aħbarijiet illum fl-Isptar Mater Dei. Waqt din il-konferenza ġie ffirmat ftehim bejn l-FMS u l-MCAST għal madwar 600 biċċa ta’ arti għall-istess Sptar.

Ftit tax-xhur ilu, is-servizz tal-kura medika li jingħata f’pajjiżna ġie klassifikat fil-ħames post minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Tonio Fenech qal li filwaqt li l-Gvern jirrikonoxxi li s-servizz tal-kura tas-saħħa, mogħti b’tant dedikazzjoni mill-professjonisti fl-isptar San Luqa, fi sptarijiet oħrajn u ċentri tas-saħħa, huwa ta’ livell għoli ħafna. Ħafna mill-kritika lejn is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna hija ndirizzata lejn nuqqasijiet li jeżistu fl-ambjent ġenerali ta’ l-isptar u l-hotel services.

Tonio Fenech qal li l-poplu llum dera jgħix kwalita’ ta’ ħajja għolja u ħadd ma jistenna li Sptar San Luqa li beda jinbena fl-1930, 77 sena ilu, joffri l-faċilitajiet u l-istandards li aħna llum mdorrijin bihom. Il-progress jibqa’ għaddej mingħajr ma’ jistenna lil ħadd u l-Gvern kommess li jibqa’ jtejjeb il-prodott b’risq il-poplu Malti.  

Illum ħadd ma jikkontesta l-fatt li l-isptar Mater Dei se jfisser qabża fil-kwalita’. It-teknoloġija ‘state of the art’ u l-ambjent  fl-isptar Mater Dei se jgħinu lill-professjonisti  biex ikomplu jtejbu s-servizz li jagħtu. L-isptar Mater Dei huwa opportunita’ tad-deheb għal professjonisti tagħna biex jaħdmu f’ambjent tax-xogħol ħafna aħjar milli għandhom illum. Dan għandu jżid is-sodisfazzjon fix-xogħol u fil-karriera tagħhom. 

Tonio Fenech żied igħid li l-użu ta’ l-arti jgħin biex jissebbaħ l-ambjent ta’ l-isptar. L-arti ngħatat rwol integrali f’Mater Dei kemm biex jissebbaħ l-ambjent kif ukoll biex tgħin fil-fejqan tal-pazjent.  

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ikkummissjonat lil MCAST biex madwar 50 student u numru ta’ għalliema mill-Istitut ta’ l-Arti u d-Disinn ta’ l-MCAST, jipproduċu ‘il fuq minn 600 biċċa ta’ arti skond temi stabbiliti mill-Mater Dei Healing Arts Committee,immexxi mill-President Emeritus Dr. Ugo Mifsud Bonnici.  

Riċerka u studji xjentifiċi juru li l-arti għandha effett terapewtiku fil-kura tas-saħħa u l-proċess ta’ fejqan. Ċertu tip ta’ arti f’ambjent ta’ sptar tipprovdi emozzjonijiet pożittivi lill-pazjent, sens ta’ aljenazzjoni mill-ansjeta’ u tgħin biex jitnaqqas l-istress. L-arti ntegrata fl-ambjent u r-rutina ta’ kuljum ta’ l-isptar flimkien mal-bini u aċċessorji oħra moderni, jagħtu sens ta’ kura ta’ kwalita’ għolja li tittrasmetti emozzjonijiet pjaċevoli mhux biss lill-pazjent imma wkoll lill-istaff u l-viżitaturi. 

Tonio Fenech qal li l-arti se tkun integrata ukoll f’sistema ta’ wayfinding, li permezz ta’ kuluri magħżula apposta, flimkien ma’  tabelli u sinjali oħra, se jgħinu fl-identifikazzjoni tal-postijiet fl-isptar Mater Dei. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu jidentifikaw swali permezz ta’ kuluri li ngħataw lil kull blokk u kull sular. L-arti qed tinħadem apposta biex tkun fuq l-istess skala ta’ kuluri li jkollu l-post fejn finalment se titpoġġa. 

L-Arti fl-isptar il-ġdid, tinqasam fi tlieta:

·        l-arti maħduma mit-tfal

·        rappreżentazzjoni artistika tat-tema ewlenija ‘Madonna and Child’

·        l-arti maħduma mill-istudenti ta’ l-MCAST 

Bejn l-iSptar San Luqa u l-iSptar Mater Dei, hemm baħar jaqsam: hotel services aqwa, inkluz kmamar tal-banju ensuite, anqas iffullar fis-swali tal-pazjenti u ambjent ġenerali aħjar li jżid fil-kumdita’ u l-privatezza tal-pazjent. Servizzi mis-sodda tal-pazjent li l-anqas biss noholmuhom f’San Luqa, inkluz l-internet, it-television u t-telefon ħdejn kull sodda; teknoloġija, apparat mediku u sistemi ta’ inġinerija moderni li jżidu l-effiċjenza u jtejjbu bil-bosta s-servizz għall-pazjent filwaqt li jnaqqsu l-istrapazz għall-impjegat kif ukoll faċilitajiet pubbliċi estensivi għall-viżitaturi.  

Id-disinn tal-binja: mibni fuq disinn ta’ villaġġ tipiku Malti bil-kappella fiċ-ċentru tal-proġett, quddiemha pjazza (main lobby, main concourse b’galleriji Maltin) u diversi servizzi mad-dawra (wards, dipartimenti). Disinjat li jaqbad l-ikbar ammont ta’ dawl naturali possibbli, allura jikkonsma inqas enerġija biex jinxtegħel. Din hija waħda minn sensiela ta’ energy saving features li sa’ mill-kunċett tiegħu, ġew inklużi fil-pjanti u d-disinji ta’ Sptar Mater Dei.

Ambjent aħjar fl-Isptar Mater Dei ukoll permezz ta’ landscaping fuq in-naħa ta’ barra. Ix-xogħol ta’ landscaping għaddej b’ritmu mgħaġġel. Qed jitħawwlu diversi tipi ta’ siġar (palm, ħarrub, żebbuġ, larinġ u arbuxelli) kif ukoll fjuri u pjanti oħra li jagħtu dehra mill-isbaħ kif jixraq f’dan l-isptar ta’ klassi mondjali. Ix-xogħol qed isir minn ħaddiema ta’ l-ELC mad-dawra kollha ta’ l-isptar Mater Dei. 

Ambjent aħjar ukoll permezz ta’ spazji miftuħa (btieħi). Id-disinn tal-binja jinkludi numri ta’ btieħi mad-dawra kollha tal-isptar. Dawn intenzjonati kemm biex jagħtu dehra ta’ spazju ikbar kif ukoll biex jagħtu dawl naturali fil-bini.  

Tonio Fenech fakkar li ambjent aħjar ifisser ukoll titjib:

·        Ambjent tax-xogħol aħjar għall-istaff: iktar motivazzjoni u sodisfazzjon fix-xogħol

·        Ambjent aħjar għall-pazjenti: fejqan aħjar b’inqas stress u aktar serħan il-moħħ

·        Ambjent aħjar għall-viżitaturi: faċilitajiet pubbliċi estensivi: ATM, kiosks, parking.

L-isptar Mater Dei huwa villaġġ mediku ta’ eċċellenza mgħammar b’teknologija state of the art, li jopera b’metodi ta’ management modern u livelli għolja ta’ effiċjenza. B’hekk jitnaqqas il-piż ta’ xogħol amministrattiv u anċillari minn fuq l-istaff u tingħata iktar attenzjoni lill-pazjent waqt il-proċess ta’ fejqan. 

Is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech temm id-diskors tiegħu billi qal li d-data ta’ l-1 ta’ Lulju 2007 se timmarka bidu ta’ era ġdida fl-għoti tas-servizzi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna. Il-poplu Malti jixraqlu l-aqwa u l-aħjar. L-isptar Mater Dei huwa investiment għaqli fil-kura tas-saħħa tal-familji Maltin u Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX  Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Camilleri jsostni li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropea għall-Gżejjer se jitkejjel mir-riżultati li twassal

PR261964

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Fin-Norveġja, il-Ministru Clint Cami...

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV  International Recognition for Servizz.gov and Centrecom

PR261963en

PRESS RELEASE BY SERVIZZ.GOV International Recognition for Servizz.gov and...

More Press Releases Right arrow