Il-Fiera tar-Rebbiegħa fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali
Bejn is-Sibt 5 ta’ Mejju u l-Ħadd 6 ta’ Mejju, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent b’kollaborazzjoni ma’ l-Awtorita’ Maltija għal Ambjent u l-Ippjanar ser jorganizza Fiera tar-Rebbiegħa fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Din l-Fiera ser tkun parti mill-festival innovattiv Earth Garden li qed jiġi organizzat minn Exit Events and Tribali Music bil-għan li jippromwovi l-kuxjenza ambjentali.
Il-Ministru George Pullicino żar l-aħħar tħejjijiet fil-Villaġġ Miftuħ f’Ta’ Qali. Huwa faħħar din l-attivita’ sħiħa u ħeġġeg kull attivita’ li ssir favur l-ambjent “għaliex dawn ikabbru l-għarfien ambjentali f’pajjiżna.”
Huwa rringrazzja lil kull min jaħdem biex jitjieb l-ambjent u ħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin jattendu u jagħtu l-appoġġ lit-talent lokali. Huwa semma li barra l-Fiera tar-Rebbiegħa, din is-sena se tkun organizzata għal darb’oħra l-Ekofest u l-ġimgħa ta’ l-ambjent għal Jum l-Ambjent fil-bidu ta’ Ġunju.
Fost affarijiet oħra, il-Fiera tar-Rebbiegħa ser tinkludi diversi stands b’informazzjoni dwar il-proġetti mtella’ minn Wasteserv u l-MEPA. Għal wiri se jkun hemm ukoll proġetti kurrenti ta’ afforestazzjoni u l-kampanja 34U, prodotti tal-biedja u sajd, kif ukoll artiġjanat.
Ser ikunu organizzati sensiela ta’ workshops u ser ikun hemm area għat-tfal b’divertiment kontinwu. Id-dħul kollu f’dan il-villaġġ miftuħ se jkun b’xejn.
Barra l-Fiera tar-Rebbiegħa, il-festival Earth Garden se jlaqqa’ flimkien diversi forom artistiċi, bħal pittura, fotografija, mużika u drama, kollha bil-għan li jqajmu iktar l-ġħarfien ambjentali. L-artisti li ser jipparteċipaw huma kollha artisti lokali u għalhekk se jkun bħala pjattaforma għal talent artistiku lokali. Installazzjonijiet ta’ l-arti, skulturi, xogħlijiet ta’ fotografija u street drama ser jikkreaw festa viżwali dinamika u mimlija kulur.
Minbarra l-attivitajiet bla ħlas fil-villagg miftuħ, Earth Garden se jtella’ żewġ serati b’Kuncerti Live minn artisti lokali. Is-Sibt 5 ta’ Mejju ser ikun fost l-artisti mużikali, il-grupp Etnika, Nafra u Spooky Monkey. Il-Ħadd ser ikun hemm il-perkussjonista Renzo Spiteri u l-grupp Tribali. Għal iktar informazzjoni dwar biljetti wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.earthgarden.com.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en