Left arrow Mur Lura

Introduzzjoni tal-Controlled Vehicular Access (CVA)

PR0643
Date Icon 04/05/2007

Is-sistema kkontrollata għall-aċċess fil-Belt Valletta laħqet l-oġġettiv ewlieni tagħha: li tnaqqas l-ammont ta’ nies li jipparkjaw ġurnata sħiħa matul il-ġimgħa fit-toroq kummerċjali u residenzjali tal-Belt u tħalli spazju għal min irid jinqeda’ mill-Belt kif ukoll għar-residenti. Minn statistika miġbura mis-sistema jidher li kien hemm zieda ta’ 32% ta’ vetturi li damu fil-Belt għal inqas minn siegħa u tnaqqis ta’ 60% f’dawk li damu aktar minn tmien siegħat (tneħħi r-residenti).  

Mill-ewwel jumejn tas-sistema hu ċar li f’kull ħin tal-ġurnata fit-toroq tal-Belt hemm spazji għall-ipparkjar għal residenti u għal min irid jiġi minn barra. Miċ-ċifri li għandna jidher ċar li 35ċ (€0.82) fis-siegħa huma baxxi biżżejjed biex ma jaqtgħu qalb ħadd biex jidħol il-Belt bil-vettura tiegħu, filwaqt li Lm2.80 (€6.52) ta’ ġurnata huma għoljin biżżejjed biex iħajru ‘l impjegati għal mezzi ta’ transport alternattivi.  

L-Oppożizzjoni kkummentat li din is-sistema hija taxxa ġdida. Kieku dan kien  l-iskop, il-Gvern kien jgħolli l-V licence bħal ma ġara fil-passat. 

Għall-ewwel darba din is-sistema qed toffri opportunita’ ta’ aċċess għall-Belt lil madwar 270,000 vettura, meta qabel setgħu jidħlu biss madwar 30,000 vettura li kellhom il-V licence.  F’dawn l-ewwel jumejn biss, kien hemm żieda ta’ 34% fil-vetturi li daħlu l-Belt għal inqas minn nofs siegħa. Dawn setgħu jidħlu l-Belt biex jagħmlu l-qadjiet tagħhom minghajr il-ħtieġa tal-V Licence u bla problema ta’ parkeġġ. 

Dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar li l-għan ta’ l-istrateġija li jonqsu l-ammonti ta’ vetturi li jidħlu l-Belt għal ħinijiet twal intlaħaq.  Fl-istess ħin kien hemm żieda fin-numru ta’ vetturi li daħlu fil-Belt il-bieraħ bejn id-09.00 a.m. u s-2.00 p.m.. Mill-ewwel ġurnata deher ċar li min ried ibeżża’ li d-dħul tas-sistema tas-CVA kienet se toqtol il-kummerċ fil-Belt kien żbaljat. Kollox juri li aktar nies se jkollhom il-possibilita’ li jidħlu l-Belt u għalhekk din ser terġa’ ssir l-aktar shopping centre u ċentru ta’ attivita’ popolari mal-Maltin. 

Għall-kuntrarju, l-ammont ta’ vetturi li daħlu u ħarġu l-Belt bejn is-07.00 u d-09.00 ta’ fil-għodu l-bieraħ naqas bi 15%, bir-riżultat li l-parkeġġ li kienu normalment jokkupaw tħalla liberu għal min daħal iżjed tard. 

Is-Sistema tas-CVA għandha facilita’ innovattiva li toffri opportunita’ lis-sidien tal-ħwienet u stabbilimenti tal-Belt sistema ta’ Vouchers għall-klijenti tagħhom biex jipparkjaw fil-Belt.  Dawn il-Vouchers jistgħu jinxtraw bi prezz imraħħas mill-uffiċini tas-CVA u mill-website tagħhom: www.cva.gov.mt. 

Il-Gvern huwa mpenjat fuq proġett ta’ rijabilitazzjoni u konservazzjoni tal-Belt Valletta.  F’dan ir-rigward il-Gvern qiegħed jagħmel investiment sostanzjali f’diversi proġetti bħal ma huma:

l-Park and Ride - nefqa kapitali ta’ Lm820,000 (€1,910,086.19); spejjez ta’ l-operat Lm160,000 (€372,699.74) fis-sena,

l-estenzjoni taż-żona pedonali fil-Belt u

l-introduzzjoni ta’ servizz pilota ta’ busexpress service - Lm3,600 (€8,385.74)  għal xahar. 

Dan kollu minbarra l-investiment fit-tisbiħ tal-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Hastings u fi żmien qasir l-investiment fil-pavimentar ta’ Triq il-Merkanti u Triq San Ġwann. 

Is-sistema tal-Park and Ride baqgħet toffri servizz effiċjenti u bla ħlas.  Iċ-cifri juru li madwar 2,200 passiġġier jagħmlu użu minn dan is-servizz kuljum.  Bħalissa l-ADT qiegħda tistudja l-possibilita’ li testendi ż-żona ta’ parkeġġ tal-Park and Ride fl-inħawi viċin ta’ Hornworks u Crownworks Ditches. L-ADT qiegħda tħares lejn 3 siti fuq art tal-Gvern biex jikkumplimentaw il-Park and Ride eżistenti.  Qed tiġi studjata wkoll il-possibilita’ li testendi ix-shuttle service tal-Park and Ride għal żoni oħra tal-Belt. 

Il-proġett pilota tal-bus express service beda jopera fuq żewġ rotot (Zurrieq u Mosta) mit-2 ta’ Mejju. Dawn il-lokalitajiet ġew identifikati fuq bażi ta’ perċentaġġ għoli ta’ residenti li jaħdmu fil-Belt Valletta. Dawn is-servizzi ġew introdotti bl-iskop li jiffaċilitaw l-aċċess lejn il-Belt billi joffru servizz express billi jgħaddu minn rotot aktar diretti u li jieqfu biss f’numru limitat ħafna ta’ bus stops. Dan jirriżulta mhux biss f’servizz minn karozzi tal-linja tar-rotta, iżda wkoll aktar konvenjenti minn vetturi privati. 

Minkejja l-impatt ovvju fuq l-impjegati bis-sistema tas-CVA, u minkejja li l-karozzi tal-linja fuq is-servizz tal-bus express service għandhom inqas minn ħames snin u garantiti li jaslu l-Belt qabel karozza privata, xorta għad hemm lok fejn il-patrunaġġ jista’ jiżdied. Dan huwa servizz ta’ standard ogħla bla żieda fil-prezz u għalhekk il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jagħmel użu minnu. 

Is-sena l-oħra l-ADT ħarġet sejħa għal provista ta’ ElectricMinicabs biex joperaw fil-Belt Valletta.  Is-servizz ser jiġi introdott fl-Lulju li ġej.  Ix-xogħlijiet relatati ma’ dan il-proġett għandhom jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.  L-ElectricMinicabs ser ikollhom aċċess sew għaż-żona pedonali kif ukoll għat-toroq l-oħra tal-Belt.  Kull persuna ser tkun tista’ twaqqaf waħda minn dawn l-electric minicabs f’kull parti tal-Belt.  L-Electric minicabs ser jiġu allokati postijiet strateġici ġol-Belt minn fejn ikunu qegħdin jistennew il-passiġġieri.  Dawn jinkludu:

·        Ħdejn il-Kon Kattidral ta’ San Gwann

·        Bieb il-Belt

·        Marsamxett (fejn jieqaf il-Ferry ta’ tas-Sliema)

·        Dar il-Mediterran

·        Ħdejn il-Palazz tal-President

·        Ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja

·        Fejn ser isir il-proġett tal-Vertical Connection

·        Ħdejn il-Forti Sant’Iermu 

Il-ħlas għal dan is-servizz se jvarja f’żewġ żoni bejn 45ċ (€1.05)   u  90ċ  (€2.10) skond id-distanza tal-vjaġġ.  Servizz innovattiv f’dan is-settur ser ikun dak tad-Dial a Ride fejn persuni jistgħu iċemplu u jirriservaw il-vjaġġ tagħhom. 

l-ADT bħalissa qed tevalwa wkoll sottomissjonijiet li daħlu wara li kienet ħarġet sejħa għall-offerti għal proġett tal-Vertical Connection.  L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi parkeġġ organizzat taħt is-swar tal-Belt u servizz ta’ trasport vertikali bejn il-Foss ta’ Lascaris u l-Foss ta’ Bieb il-Belt. Dan il-proġett se jgħaqqad ukoll mas-servizz tal-laneċ li huwa ppjanat jidħol fis-seħħ aktar ‘l quddiem. 

Wieħed mill-iskopijiet ewlenin ta’ l-istrateġija tal-Belt kienet u tibqa’ li jittejjeb l-ambjent madwar il-Belt Kapitali tagħna u b’hekk ikun hemm aktar apprezzament għall-valur storiku tal-Belt Valletta.  Mezz ta’ kif dan l-iskop jintlaħaq huwa billi n-nies jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport u jużaw il-vetturi tagħhom b’għaqal. 

Il-Gvern huwa mpenjat li jkompli b’dawn l-inizjattivi u l-investiment biex jiżgura ambjent aħjar u preservazzjoni tal-wirt storiku. Bl-isitess mod huwa meħtieġ l-impenn ta’ kulħadd b’mod partikolari ta’ min jaħdem il-Belt biex jagħmel użu minn dawn il-mezzi alternattivi li huma irħas, aktar komdi u frekwenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow