700 sena ta’ storja f’palazz restawrat
“Il-proġett vast ta’ restawr, riabilitazzjoni u tisbiħ li l-Fondazzjoni Patrimonju Malti wettqet f’Palazzo Falson ġab lura għat-tgawdija tal-poplu Malti kollu storja ta’ 700 sena mhux biss ta’ l-istess binja, iżda wkoll ta’ l-Imdina u Malta.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem qabel ma’ l-Prim Ministru l-Onor. Lawrence Gonzi inawgura Palazzo Falson fl-Imdina.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Imdina kienet għal mijiet ta’ snin il-kapitali ta’ pajjiżna. Hu qal li meta nbena dan il-palazz, l-Imdina kienet diġa’ magħrufa bħala il-Belt jew Civitas. Hu qal li l-Imdina kienet iċ-ċentru ta’ l-amministrazzjoni tal-pajjiż u anke tan-nobbiltà li bniet palazzi u djar fejn toqgħod wara l-ħitan ta’ belt iffortifikata.
“Palazzo Falson hu t-tieni l-aktar palazz antik fl-Imdina. Dan jaf il-bidu tiegħu fit-13-il Seklu u kien anke l-bini li laqa’ fih l-ewwel Gran Mastru ta’ Malta, Frà Philippe Villiers de l-Isle Adam meta l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ingħatat il-gzira ta’ Malta mir-Re Spanjol bħala l-bażi tagħha. L-Isle Adam għex f’dan il-palazz għal 15-il ġurnata, bejn l-20 ta’ Ottubru u l-5 ta’ Novembru 1530,” qal il-Ministru Zammit Dimech li fakkar li fl-1927 dan il-palazz għadda f’idejn il-Kaptan Olaf Fredrick Gollcher li kien storiku dwar l-arti, kritiku ta’ l-arti u bniedem li jinteressah ħafna l-wirt kulturali ta’ Malta.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan kollu wassal biex il-Kaptan Gollcher bena kollezzjonijiet kbar ta’ pittura, għamara, twapet orjentali ta’ kwalita’, fided u arloġġi. Hu qal li l-kollezzjoni li ħalla warajh il-Kaptan Gollcher fiha madwar 3,800 biċċa minbarra kollezzjoni ta’ 4,500 volum ta’ kotba ta’ storja Maltija u Ingliża.
Il-Ministru Zammt Dimech qal li dan jagħmel minn dan il-palazz Mużew ħaj ta’ l-istorja Maltija, li ma kienx ikun dak li hu, li kieku ma kienx għall-Fondazzjoni Patrimonju Malti li b’investiment ta’ madwar Lm800,000 bidlet palazz li kien fi stat ħażin ta’ manutenzjoni, u litteralment jagħmel l-ilma minn kullimkien, f’monument ta’ storja.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-proġett jinkwadra b’mod eċċellenti fil-proġetti ta’ restawr u riabilitazzjoni li dan il-Gvern wettaq fl-Imdina fl-aħħar snin, fejn mhux biss ġew restawrati palazzi u djar storiċi, iżda tneħħew anke il-wires kollha minn mal-ħitan, tqiegħdu taħt l-art, u t-toroq kollha ġew pavimentati mill-ġdid. Hu qal li l-proġetti fl-Imdina jikkumplimentaw ukoll ir-restawr tad-Domus Romana u r-riabilitazzjoni u t-tisbiħ tal-Ġonna Howard biex flimkien dawn, huma llum park ta’ wirt storiku u kulturali u zona turistika mill-aqwa.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura radd ħajr lill-Kaptan Olof Fredrick Gollcher li ħalla lill-pajjiż dan il-wirt storiku imprezzabbli, lill-Fondazzjoni Patrimonju Malti għall-ħidma kbira tagħha biex dan il-palazz reġa’ ingħata d-dehra oriġinali tiegħu u lil Maurice de Giorgio, Chairman ta’ l-istess Fondazzjoni li mingħajr il-ħeġġa u l-ħidma disinteressata tiegħu, dan il-proġett ma kienx jiġi realizzat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en