14% INQAS VETTURI DAĦLU L-BELT VALLETTA BEJN IS-07.00 U D-09.00
L-iskop ewlieni tas-sistema ‘Controlled Vehicular Access’ (CVA) huwa li jirregola d-dħul tal-vetturi fil-Belt Valletta sabiex tonqos il-konġestjoni tat-traffiku, jitjieb l-ambjent ġewwa l-Belt u iktar minn hekk, ikun imħares il-wirt storiku tagħha.
Is-sistema tas-CVA bdiet taħdem mill-llum wara li daħlet fis-seħħ il-bieraħ. L-ewwel statistika miġbura mill-Awtorita’ dwar it-Trasport turi li dan l-iskop qiegħed jintlaħaq peress li skond is-sistema CVA, kien reġistrat tnaqqis ta’ 14% fin-numru ta’ vetturi li daħlu l-Belt bejn is-7.00 u d-9.00 ta’ filgħodu meta mqabbla ma’ l-istess perijodu ta’ ħin ta’ nhar it-Tnejn 30 ta’ April. Minn naħa l-oħra, kien hemm żieda ta 1.7% fin-numru ta’ vetturi li daħlu llum bejn id-9.00 ta’ filgħodu u nofs inhar. Dawn il-ħinijet jindikaw li kien hemm aċċess wara l-bidu tal-ħin normali tax-xogħol fl-uffiċini u għalhekk wieħed jista’ jgħid li din il-figura tirrapreżenta nies li daħlu l-Belt biex jinqdew.
Id-dħul tas-CVA hija marbuta ma’ l-introduzzjoni ta’ l-iskema Park & Ride u tas-servizz pilota ta’ Trasport Pubbliku ta’ l-Express Bus Service miż-Żurrieq u mill-Mosta. Fuq dawn iż-żewġ rotot, bejn is-6.50 u d-9.20 ta’ filgħodu, rikbu mhux anqas minn 200 passiġġier.
Filwaqt li dan is-servizz joffri trasport dirett lejn il-Belt Kapitali f’inqas ħin, huwa ukoll maħsub biex titnaqqas il-konġestjoni fuq it-toroq li jwasslu għall-Belt. Dawn iż-żewġ rotot joffru tnaqqis medju ta’ 15-il minuta fuq kull vjaġġ li ssoltu jieħu bejn 35 u 45 minuta. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jagħmel użu minn dawn is-servizzi li qed juru biċ-ċar li huma effettivi u jistgħu joffru alternattiva għal min juża l-vettura tiegħu. Il-ħinijiet ta’ dawn is-servizzi huma garantiti u joffru kumdita’ assoluta kif ukoll bus stops speċifiċi minn fejn jittellgħu jew jitniżżlu l-passiġġieri.
L’Awtorita’ dwar it Trasport qiegħda ssegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ dan is-servizz pilota. Huwa ppjanat li dan it-tip ta’ servizz ikun estiż fuq rotot oħra minn lokalitajiet oħra. Fl-istess ħin, l-Awtorita’ ħadet ħsieb li jkun hemm aktar karrozzi tal-linja standby f’każ li jkun hemm żieda fid-domanda.
Is-sistema tal-Park and Ride kompliet topera b’mod regolari u llum użaw dan is-servizz iktar minn 2,200 passiġġier. Il-sit tal-Park and Ride imtela sad-9 ta’ filgħodu u baqa’ mimli matul il-ġurnata kollha.
Iż-Żona pedonali li ġiet introdotta llum rat toroq bħal Triq il-Merkanti u Triq Nofsinhar għall-ewwel darba vojta kompletament mit-traffiku u fejn il-pubbliku seta’ jimraħ mingħajr ostakli. Bla dubju ta’ xejn din is-sistema li ser ikollha mpatt fuq il-mod ta’ kif wieħed kien jaċċessa l-Belt, ser tieħu ftit taż-żmien biex tindara. Madanakollu l-kummenti minn naħa tal-pubbliku u l-GRTU kienu pożittivi u nkoraġġanti. Dan hu wieħed mill-modi ta’ kif inħarsu l-wirt storiku tagħna u jagħtina l-opportunita’ li ngawdu l-Belt Medjevali tagħna. Il-pubbliku huwa mfakkar li aċċess għall-vetturi li jagħtu servizz fiż-żoni pedonali huwa miftuh bejn is-13.00 u l-16.00 u bejn is-19.00 u t-08.30.
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en