Għawdex ifakkar il-50 sena mit-Trattat ta’ Ruma kif ukoll it-3 anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea
Il-Kunsill tal-Kultura f’Għawdex qed jorganizza attivitajiet bħala tifkira ta’ żewġ avvenimenti b’konnessjoni ma’ l-Unjoni Ewropea. Din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju minn meta ġie iffirmat it-trattat ta’ Ruma li bih ġiet imwaqqfa l-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tielet sena minn meta Malta issieħbet bħala membru ta’ l-Unjoni. Dawn l-attivitajiet ser jittellgħu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fi tmiem din il-ġimgħa.
Is-Sibt 5 ta’ Mejju 2007 ser tittella’ lejla ta’ mużika u ċelebrazzjoni għaż-żgħażagħ bil-parteċipazzjoni ta’ ħames gruppi mużikali Għawdxin li ser idoqqu mużika fuq stil pop u rock mis-snin tmenin u aktar riċenti. Dawn il-gruppi li ser jagħtu kunċert ta’ madwar siegħa kull wieħed, jinkludu ‘StraightAhead’, ‘Purple Haze’, ‘Mistaken Identity’, ‘The Broadcasters’ u ‘Sunstroke’. L-attivita’, li ser tittella’ fuq palk miftuħ fi Pjazza Indipendenza fir-Rabat, ser tibda fit-8.30 p.m.
L-attivita’ l-oħra hija tal-Ħadd 6 ta’ Mejju 2007 fejn il-banda La Stella tar-Rabat Għawdex ser tagħti kunċert filarmoniku fi Pjazza Indipendenza fis-7.30 ta’ filgħaxija. Il-Banda La Stella, ser iddoqq selezzjoni ta’ siltiet mużikali popolari taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur tagħha Mro. Joseph Vella, wara li tkun daqqet ukoll f’marċ madwar it-toroq prinċipali tal-belt Victoria.
Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi mistenni jattendi għal din l-okkażjoni.
Kulħadd huwa mistieden biex jattendi għal dawn l-attivitajiet li d-dħul għalihom huwa b’xejn.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en