Xogħlijiet fil-bini ġdid tal-Faċilita’ għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex miexi b’ritmu mgħaġġel
Ix-xogħlijiet fuq il-bini mill-ġdid tal-Faċilita’ għall-Istudji Turistiċi fil-Qala, Għawdex, qegħdin fl-istadji finali tagħhom filwaqt li ħafna mix-xogħlijiet ta’ tikħil u tibjid diġa’ saru. L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, għamlet żjara fuq il-post waqt li kien għaddej ix-xogħol aktar kmieni llum.
Dan il-proġett kien wieħed mill-proġetti infrastrutturali għal Għawdex li ġew identifikati mill-Ministeru għal Għawdex biex jibbenefikaw mill-Programm Strutturali Malta 2004-2006. Fil-fatt, 75% ta’ investiment totali li jlaħħaq €1.3m qed jiġu ffinanzjati mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali (ERDF).
Il-Ministru Debono żaret il-bini l-ġdid ta’ din il-faċilita’ li qiegħed fuq sular wieħed u li jinkorpora l-elementi kollha ta’ lukanda flimkien ma’ faċilitajiet ta’ taħriġ li huma meħtieġa f’istituzzjoni edukattiva ta’ dan it-tip. Id-daħla prinċipali twassal fil-post li ser ikun mgħammar bħala reception area, li minnu wieħed ikun jista’ jgħaddi wkoll għall-klassijiet spazjużi u l-uffiċini amministrattivi ta’ dan iċ-ċentru. Fuq naħa waħda ta’ bitħa ċentrali nbnew għaxart ikmamar tas-sodda kollha kompluti bil-kmamar tal-banju filwaqt li faċċata tagħhom wieħed isib ir-restaurant u l-bar. Mir-restaurant, wieħed jista’ jgħaddi għall-kċina ewlenija kif ukoll għall-kċina oħra li ser tintuża waqt it-taħriġ. Din ta’ l-aħħar ser tkun mgħammra b’apparat modern u fiha ser ikunu jistgħu jaħdmu b’mod individwali numru ta’ studenti flimkien ma’ l-għalliem tagħhom. Hemm ukoll spazji għal stores, kif ukoll cold room. Il-proġett ħaseb ukoll għal żewġ ġibjuni ta’ l-ilma, substation ta’ l-elettriku, laundry kif ukoll lift u faċilitajiet għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
Dan il-proġett kien jinvolvi t-twaqqiegħ tal-bini li kien ilu jintuża bħala l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi mill-1989. Il-pjanta oriġinali tal-bini l-ġdid ġiet emendata biex tinżamm l-istruttura ta’ l-entratura li kien hemm qabel. F’nofs Marzu ta’ l-2006 ingħata bidu għall-ewwel fażi tax-xogħol li kien jinkludi t-twaqqiegħ tal-bini l-qadim, tħammil u bini ta’ pedamenti ġodda kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ dan l-istitut. Il-bini issa jinsab lest ħlief għal xi xogħlijiet żgħar marbuta mal-konnessjoni ta’ l-entratura l-qadima mal-kumplament tal-bini l-ġdid.
It-tieni fażi, li wkoll tinsab fi stadju avvanzat, tinkludi l-istallazzjoni ta’ servizzi mekkaniċi u elettriku. Bħalissa għaddej xogħol ta’ tikħil, tibjid u tqegħid ta’ madum. Sadanittant inħarġu l-offerti konnessi mal-provvediment ta’ għamara u ħtiġijiet oħra bħala parti minn dan il-proġett.
L-aħħar fażi tittratta x-xiri u l-istallazzjoni ta’ apparat tal-kċina flimkien ma’ apparat teknoloġiku ieħor. L-offerti relatati max-xiri u l-istallazjoni ta’ l-apparat tal-kċina għadhom kif ġew ippubblikati l-ġimgħa l-oħra.
Matul iż-żjara tagħha ta’ dalgħodu, il-Ministru Giovanna Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex jagħraf l-importanza tat-turiżmu bħala industrija vitali għall-iżvilupp ta’ l-ekonomija fil-gżira ta’ Għawdex, u ħadem id f’id ma’ dawk kollha kkonċernati f’dan il-qasam biex jgħin u jtejjeb il-potenzjal li Għawdex għandu bħala destinazzjoni distinta ta’ kwalita’. L-għan ewlieni tat-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru ġdid, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex, huwa li jipprovdi l-infrastruttura neċessarja u faċilitajiet mill-aqwa għat-taħriġ fis-servizzi turistiċi f’Għawdex, kemm għal dawk li diġa’ jaħdmu f’dan is-settur kif ukoll għal oħrajn li bi ħsiebhom jaqbdu karriera f’dan il-qasam. Dan il-proġett żgur ser iservi biex itejjeb il-kwalita’ ta’ servizz li jingħata lit-turisti fl-istabilimenti turistiċi Għawdxin, u hekk joffri esperjenzi isbaħ u aħjar lit-turisti li jqattgħu l-btajjel fil-gżira ta’ Għawdex.
Il-Ministru Debono tkellmet ukoll dwar żviluppi sinjifikanti li Għawdex ra fil-qasam turistiku f’dawn l-aħħar snin speċjalment fis-settur domestiku fejn kien hemm żidiet sostanzjali sena wara l-oħra. Il-Ministeru għal Għawdex nieda pjan ta’ ħidma biex itejjeb il-prodott turistiku li joffri Għawdex, b’investiment fl-infrastruttura ta’ Għawdex, fl-attrazzjonijiet turistiċi u r-reklamar ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta matul is-sena kollha. Il-Ministru Debono semmiet kif l-organizzazzjoni ta’ ‘Lejlet Lapsi Notte Gozitana’ li ser tittella’ mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tat-Turiżmu u Kultura, ser isservi bħala attrazzjoni miżjuda biex aktar turisti interni u barranin iżuru lil Għawdex matul dan ix-xahar. Dan l-avveniment flimkien ma’ attivitajiet oħra li ser ikunu organizzati matul ix-xhur anqas popolari u li ser jibbenefikaw mill-Gozo Attractions Incentives Scheme imħabbra mill-Gvern aktar kmieni din is-sena, ser iservu biex itejbu l-prodott li Għawdex joffri lil dawk kollha li jżuruh.
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en