Titpoġġa l-Ewwel ġebla tal-Kumpless Sportiv Reġjonali f’Ħal-Kirkop
Waqt żjara li għamel il-Prim Ministru fuq il-lantijiet tax-xogħol ta’ proġetti tal-Gvern, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea poġġa l-ewwel ġebla tal-Kumpless Sportiv Reġjonali li bħalissa qed jinbena f’Ħal-Kirkop biswit il-Kulleġġ San Benedittu – Sekondarja Subien. Ix-xogħol fuq dan il-kumpless beda fl-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena u miexi b’ritmu mgħaġġel ħafna tant li l-pedamenti huma lesti u l-bini beda tiela.
Il-progett ġie fdat f’idejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada f’isem il-Kunsill Malti għall-iSport u se jkun ikkumplimentat b’6-lane track għall-atletika twila 200 metru kif ukoll bi grawnd 9-a-side miksi b’ turf artificjali li diġa’ saru fil-Kulleġġ San Benedittu. Fil-kumpless sportiv se jkunu jistgħu jiġu pprattikati diversi dixxiplini sportivi inkluż il-basketball, il-volleyball, in-netball, il-badminton, il-futbol u l-atletika. Il-kumpless se jkollu wkoll gym u sala għall-konferenzi, uffiċini amministrattivi, changing rooms u showers. Is-sala prinċipali hija ppjanata b’mod li tkun tista’ tintuża minn dixxiplini differenti fl-istess ħin. Ghaldaqstant id-disinn jista’ jiġi addattat għal attivitajiet fuq skala internazzjonali għal uħud mid-dixxiplini sportivi imsemmija.
Il-Ministru Galea qal li filwaqt li hu tajjeb li niċċelebraw jum il-ħaddiem tajjeb ukoll li niffukaw fuq il-saħħa tal-ħaddiema Maltin kemm permezz tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll billi nippromwovu stil ta’ ħajja attiva partikolarment permezz ta’ l-isport. Hu qal li l-Gvern qed jinvesti ħafna fl-isport b’mod partikolari bil-bini ta’ kumplessi u faċilitajiet sportivi madwar Malta u Għawdex biex il-poplu ikollu fejn jipprattika l-isport. Il-Ministru spjega kif il-Gvern qed jidħol f’arranġamenti permezz tal-Kunsill Malti għall-isport biex il-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel ikunu jistgħu jintużaw mill-pubbliku.
Il-Kumpless Sportiv f’Ħal Kirkop se jkun mibni fuq medda ta’ art ta’ iżjed minn 5,000 metru kwadru li minnhom 2,300 metru kwadru huma għall-bini tal-kumpless sportiv filwaqt li l-kumplament huma għal-‘landscaping’ u ‘car park’.
Louis Galea qal li bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed tlesti t-tender documents għas-saqaf ta’ din is-sala u dawn mistennija jinħarġu fil-ġimgħat li ġejjin biex hekk kif ikun lest il-bini tas-sala ikun jista jibda jitpoġġa s-saqaf. Eventwalment jinħarġu wkoll it-tenders meħtieġa biex il-kumpless jiġi mgħammar bl-apparat meħtieġ.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en