PUBBLIKAZZJONI ĠDIDA LI TIPPROMWOVI ATTIVITAJIET KULTURALI U ARTISTIĊI
RMF Publishing, bl-appoġġ ta’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta, ser tibda tippubblika kull xahar ktejjeb ta’ l-attivitajiet mużikali, kulturali, wirjiet, żfin, teatru u attivitajiet oħra mixxelanji li jkunu qed isiru f’Malta. F’dan il-ktejjeb ser ikun hemm ukoll sezzjoni dedikata għall-istorja u l-mużewijiet. Din il-pubblikazzjoni, li ser ikunu stampati minnha madwar 40,000 fix-xahar, ser titqassam mill-Uffiċċji ta’ l-Informazzjoni tal-MTA, u minn stabbilimenti turistiċi, l-aktar minn lukandi ta’ Ħames u Erba’ Stilel. Ser ikun hemm ukoll ammont għall-bejgħ li ser ikun bil-prezz ta’ euro.
Il-qoxra ta’ din il-pubblikazzjoni ser tkun stampa ta’ xi attivita’ li tkun qed tiġi organizzata. L-ewwel qoxra ser tkun dwar it-tiġrija tal-power boats. Il-pubblikazzjoni ser timla vojt li kien ilu jinħass fis-suq. Il-pubblikazzjoni ser tkun ta’ qies li tista’ tinżamm fil-but.
“Biex pajjiżna jibqa’ kompetittiv f’suq turistiku li qed jikber iżda li qed jinqasam fost aktar pajjiżi, Malta riedet tidentifika niċeċ speċifiċi li nistgħu nippromwovu b’suċċess fost it-turisti. Dan wassal lill-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta biex identifikat sitt niċeċ partikolari li fuqhom qed jinbena s-settur turistiku Malti.”
Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta nieda din il-pubblikazzjoni ġdida.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta hi mbierka minn storja twila li tmur lura 7,000 sena. Hu qal li minħabba l-qagħda strateġika tagħna f’nofs il-baħar Mediterran – li għal żmien twil kien meqjus bħala l-Baħar tan-Nofs minħabba li d-dinja magħrufa kienet iddur madwar dan il-baħar – Malta kienet okkupata mill-potenzi kollha li kienu jmexxu l-Ewropa tul is-snin li kollha ħallew il-marka tagħhom fuq pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hu għalhekk li f’pajjiżna għandna siti preistoriċi, katakombi ta’ żmien l-ewwel insara, fdalijiet Rumani, ta’ żmien il-Kartaġiniżi, Għarab u n-Normanni. “Malta għaddiet minn qawmien ekonomiku, kulturali u soċjali qawwi fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li bnew il-belt kapitali, għalqu wara s-swar il-bliet tal-Birgu, l-Isla u Bormla, bnew fortifikazzjonijiet, knejjes u palazzi u ħallew warajhom wirt kbir artistiku u kulturali li ta lil pajjiżna dimensjoni Ewropea ferm qabel in-nazzjonijiet Ewropej qablu li jwaqqfu l-Unjoni Ewropea,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li fakkar li anke l-Ingliżi ħallewlna patrimonju ta’ fortizzi, fortifikazzjonijiet u bini ieħor li kompla żejjen il-patrimonju Malti.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kobor ta’ l-istorja ta’ pajjiżna jkompli joħroġ mill-fatt li l-UNESCO ddikjarat bħala wirt dinji l-Ipoġew, is-siti Meġalitiċi u l-belt Valletta – probabilment l-ikbar konċentrazzjoni ta’ storja f’area ta’ 317-il kilometru kwadru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li kien għalhekk li fost n-niċeċ identifikati għas-settur turistiku ta’ pajjiżna hemm dik tal-Kultura u l-Wirt Storiku. Hu qal li matul is-sena li għaddiet din in-niċċa attirat lejn pajjiżna 143,460 viżitatur, jew kważi 13 fil-mija tat-turisti kollha li żaruna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li din in-niċċa hi destinata li tkompli tikber mhux biss għaliex il-Gvern qed jagħmel ħiltu biex jirrestawra, jirriabilita u jqiegħed għal użu tajjeb siti storiċi iżda anke għaliex fl-Ewropa u fid-dinja hemm numru dejjem akbar ta’ persuni li jinteressahom jżuru pajjiżi oħra biex jitgħallmu dwar l-għeruq tagħhom u dwar l-antenati tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en