Left arrow Mur Lura

Proġett ieħor ta’ tisbiħ ġewwa żona ta’ Housing Estate – din id-darba f’Għawdex

PR0614
Date Icon 28/04/2007

Bħala parti mill-politika tal-Gvern Nazzjonalista lejn ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha ta’ Malta u Għawdex, illum saret żjara f’Taċ-Ċawla, fir-Rabat Għawdex fejn beda proġett ta’ tisbiħ taż-żona. 

B’kollox il-proġett ser jiġi jiswa’ Lm 45,000 (€104,821.80) u huwa stmat li x-xogħol jintemm sa’ Diċembru 2007. Dan il-proġett ser iġib investiment tant mixtieq f'din ż-żona għar-residenti u għal kull min iżurha. Fost ix-xogħol li ser isir insibu t- tkabbir u t-tisbiħ taż-żona tal-playing field, tranġar tal-ground tal-futbol, il-ħolqien ta' iktar postijiet ta' parkeġġ f'diversi punti, belvedere, pavimentar ta' diversi bankini fiż-żona, tranġar u tisbiħ tal-pitch tal-boċċi, u xogħol ġenerali ta' tisbiħ li jinkludi street furniture, landscaping, u żebgħa. Fil-fatt, naraw li għandna tul ta’ 400 metru ta’ bankini, 650 metru kwadru ta’ pavimentar, 750 metru kwadru ta’ tarmac, 20 bankina, u 20 għarblu tad-dawl fost l-oħrajn. 

Hi u żżur Taċ-Ċawla, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, irrimarkat li dan huwa pass ieħor konkret li qed jieħu l-Gvern biex joħloq ambjent aħjar għar-residenti tal-lokalità kif ukoll għal dawk li jżuruhom. “Aħna nafu li l-iżvilupp mgħaġġel li qed naraw fis-soċjetà tagħna kellu ħafna effetti fuq il-ħajja tagħna ta’ kull jum,” qalet il-Ministru. “Fost dan insibu li għandna anqas ħin għar-rikreazzjoni u anqas possibiltà għat-tfal li jimirħu fil-miftuħ kif konna nagħmlu żmien ieħor. Għalhekk, huwa l-għan tagħna li ntejbu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies li joqogħdu f’Taċ-Ċawla billi nsaħħu l-istrutturi li diġà jeżistu, imma wkoll billi noħolqu opportunitajiet ġodda għal familji fejn flimkien jistgħu jqattaw ftit ħin f’attivitajiet rilassanti li huma mportanti wkoll għas-saħħa tal-bniedem,” hija sostniet. “Naturalment, dan ix-xogħol ta’ tranġar u tisbiħ li qed isir f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex ma jkunx possibbli mingħajr is-sostenn tal-Kunsilli Lokali. Dan il-Gvern dejjem għemmen li l-amministrazzjoni lokali hija ta’ importanza liema bħala għaliex b’hekk il-bżonnijiet reali u l-kriterji importanti għan-nies tal-lokal ikunu verament fuq quddiem ta’ l-aġenda tal-pajjiż. Hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil kull Kunsill li kkollabora magħna u llum b’mod speċjali nsellem lis-sindku tar-Rabat, is-Sur Robert Tabone, ta’ l-interess sħiħ li wera flimkien mal-kunsill tiegħu f’dan il-proġett,” temmet il-Ministru Cristina. 

Minn naħa tiegħu, is-Sindku Tabone qal li l-Kunsill Lokali hu konxju mid-diffikultajiet partikolari u distinti taż-żona tal-Housing Estate ta' taċ-Ċawla, kif ukoll jirrikonoxxi li kien hemm bżonn urgenti ta' investiment infrastrutturali li jsebbaħ liż-żona u għaldaqstant itejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-resident.  “Sa mill-ewwel laqgħat tal-leġislatura tiegħu, dan il-Kunsill beda diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali sabiex flimkien nidentifikaw il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ta' din ir-realtà u nieħdu l-inizjattivi neċessarji fl-interess tar-resident. Importanti li wieħed isemmi,” kompla s-Sindku, “li l-pjanti tax-xogħol propost ġew mibgħuta f'kull residenza tal-Housing Estate għal-kummenti, kif ukoll saret laqgħa pubblika ta' konsultazzjoni sabiex l-istess residenti mhux biss ikunu infurmati bil-progress reġistrat imma wkoll jiddiskutu magħna l-istess tfassil tal-fażijiet tal-progett. Dan kollu wassal biex illum jiġi kkonsolidat dan il-ħsieb u x-xogħolijiet varji bdew iseħħu,” spjega s-Sindku Tabone. 

“Nieħu għaldaqstant l-okkażjoni sabiex f'isem sħabi l-Kunsilliera nirringrazzja lill-Ministru Cristina ta' l-impenn kostanti tagħha biex jirnexxi dan il-proġett.  Proġetti bħal dawn jagħtu dehra li tixraq lid-diversi żoni tal-lokalità tagħna, kif ukoll dinjità lir-residenti li jgħixu ġewwa fihom,” għalaq jgħid is-Sur Tabone. 

Il-Ministru Cristina flimkien ma’ uffiċjali mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali kellhom ukoll laqgħa kostruttiva mal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex fejn, fost affarjiet oħra, ġew diskussi diversi possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni fuq proġetti oħra fil-futur.   

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura investiment ta’ €50 miljun f’San Ġiljan

PR261960

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow