Esperjenza pożittiva mill-Environmental Landscapes Consortium (ELC)
Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jikber ir-rikonoxximent għall-esperjenza pożittiva tal-Environmental Landscapes Consortium (ELC). Dan hu dovut għax-xogħol siewi u importanti li qed iwettaq il-konsorzju. Dan ix-xogħol jinkludi żviluppi mportanti fil-mixtla ta’ Wied Incita li qed iwassal biex dan is-sit ikompli jiżviluppa u jieħu dehra isbah, liema xogħol sar kollu mill-haddiema ta’ l-ELC. F’Wied Inċita llum issib iktar minn 100,000 arbuxell (shrubs), mal-50,000 siġra u jiffjorixxu man-nofs miljun fjura fis-sena. Mill-1 ta’ Jannar, tħawwlu mal-95,000 fjura, 26,000 arbuxell u xi 1,500 sigra.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino meta llum żar il-Mixtla ta’ Wied Inċita fl-okkażjoni ta’ Open Day li l-Environmental Landscapes Consortium ser torganizza nhar il-Ħadd 29 ta’ April, 2007. Din se tkun it-tielet open day li se tkun qed issir f’din il-faċilita’.
L-Onor. Pullicino qal li l-iżvilupp fil-Mixtla f’Ħ’Attard huwa kontinwu. Bħalissa qed jinbena mpjant ta’ struttura għall-produzzjoni, b’kapaċita’ ta’ 40,000 siġra oħra sabiex jiġu riservati għall-proġetti futuri ta’ tisbiħ. Bħalissa wkoll qed jiġu mmodernizzati u mkabbra l-faċilitajiet preżenti fejn jigu propagati xtieli u anke ser titwaqqaf stock unit apposta bil-għan li wħud minn dawn ix-xtieli jkunu esportati lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Flimkien mal-micro-propagation unit li jinsab Ħal-Lija, qed isir xogħol fuq root stock li tkun ħielsa minn viruses għall-produzzjoni taċ-ċitru li se jkun imkabbar mhux biss għall-Malta iżda wkoll għal Sqallija.
Il-Ministru Pullicino ħabbar li l-pjani għall-futur jinkludu aktar investiment fit-taħrig ta’ l-istaff kemm mil-lat tekniku u amministrattiv biex l-operat ikun iktar innovattiv u konformi ma’ sistemi regolatorji ta’ l-Unjoni Ewropea. Hu qal ukoll li Wied Inċita llum jikkonsisti minn art ta’ 125 tommna. F’erba’ snin u nofs ġew ikkultivati żewġ terzi tas-sit. Il-kumplament iżda mhux kummerċjalment tajjeb għall-iżvilupp u b’hekk dawn l-inħawi huma riservati għall-afforestazzjoni. Hemm il-ħsieb li din it-terz ta’ l-art mhux żviluppata tintuża għall-Agrituriżmu.
Fost affarijiet oħra, ser jinbena wkoll razzett tradizzjonali biex min iżur il-post jieħu idea ċara ta’ kif żvolġa dan is-settur permezz ta’ l-innovazzjoni. Il-Ministru Pullicino temm jgħid li huwa importanti li jsiru open days f’dawn il-faċilitajiet li jippermettu lill-pubbliku li jara b’għajnejh l-iżvilupp li jkun għaddej.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en