kompli jittejjeb it-trasport pubbliku bi skeda - Imnedija rotot express
Min nhar l-Erbgħa 2 ta’ Mejju ser jibdew jitħaddmu żewġ rotot ta’ transport pubbliku bi skeda li għandhom l-għan li jwasslu l-passiġġieri mill-Mosta u ż-Żurrieq sal-Belt u lura fl-iqsar żmien possibbli. In-noll ta’ dawn iż-żewġ rotot ġodda li ser jitħaddmu fir-rush hours ta’ filgħodu u filgħaxija ser ikun ta’ 20 ċenteżmu - jiġifieri l-istess bħal dak tar-rotot normali.
Waqt li kien qed iħabbar it-tnedija ta’ dawn ir-rotot, il-Ministru Mugliett stqarr li din l-inizjattiva bejn l-Awtorità Dwar it-Trasport ta’ Malta (ADT), l-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku (ATP) u l-Gvern qed tittieħed sabiex tingħata alternattiva ta’ trasport valida lil min jaħdem fil-Belt Valletta u ma jridx jibqa’ jidħol ix-xogħol bil-vettura tiegħu wara li tiġi fis-seħħ is-sistema t’ aċċess kontrollat għall-vetturi fil-Belt. Ir-rotot il-ġodda ser ikunu qed jitħaddmu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, eskluż il-Festi Pubbliċi.
“Is-suċċess tar-rotot ġodda li daħħalna fl-aħħar sentejn - bħal ma huma dawk ta’ l-Università, ir-rotta ċirkolari tal-Belt, u l-park and ride - huma xhieda li l-Maltin ma jaħsibhiex biex jużaw it-trasport pubbliku meta dan joffri servizz li jaqdi sew il-bżonnijiet tagħhom. Aktar minn hekk, iż-żieda qawwija ta’ 11% fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw is-servizz bi skeda li rajna fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena juru biċ-ċar li aktar u aktar nies qed isibu li s-servizz bi skeda huwa alternattiva konvenjenti, rħisa u effiċjenti għall-użu tal-karozza privata.”
“Jien konvint li dawn ir-rotot il-ġodda ser ikomplu jiġbdu aktar persuni lejn it-trasport pubbliku,” qal il-Ministru.
Hu kompla jispjega li ż-żewġ rotot express ser jibdew jitħaddmu bi skeda ta’ 12-il vjaġġ kuljum bħala prova għall-ewwel ftit ġimgħat. Il-ħsieb huwa li l-iskedi tar-rotta 153 minn u lejn il-Mosta u 132 minn u lejn iż-Żurrieq jiġu riveduti hekk kif tiżdied id-domanda għalihom. Teżisti wkoll il-possibilità li jiddaħħlu rotot simili minn lokalitajiet oħra fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Mugliett qal li dawn ir-rotot express ser jevitaw il-qalba ta’ l-irħula u fejn jista’ jkun jevitaw ukoll żoni fejn jiltaqa’ ħafna traffiku. Dan minbarra li dawn ir-rotot mhux ser ikunu qed jieqfu fuq bus-stops li jkun hemm matul ir-rotta tagħhom, ħlief f’punti strateġiċi bħal ma huma it-Technopark fil-każ tal-Mosta, il-Furjana u l-Belt.
Hu qal li dawn ir-rotot ġodda ser jiġbdu lejn it-trasport pubbliku nies li m’humhiex imdorrijin jużawh u għalhekk ser tkun qed issir emfażi partikolari fuq il-kwalità ta’ dan is-servizz biex ikun komdu, u aktar environment-friendly. Il-vetturi li ser jintużaw għal dan is-servizz ser ikunu kollha tat-tip super-lowfloor. Ir-rotot ġodda ser ikunu branded bil-kliem express fuq quddiem u wara tal-karozzi tal-linja. Hemm ukoll il-ħsieb li fejn hu possibbli jiddaħħlu xi prijoritajiet għall-karozzi tal-linja li jkunu qed jaħdmu dawn ir-rotot.
Ir-rotot inizjali ntgħażlu peress li studju reċenti wera li l-Mosta u ż-Żurrieq huma fost dawk il-lokalitajiet li għandhom l-ogħla persentaġġi ta’ abitanti li jaħdmu fil-Belt Valletta. Minn simulazzjonijiet ta’ rotot express li saru minn u lejn diversi lokalitajiet f’Malta ħareġ ukoll li f’dawn iż-żewġ rotot kien hemm l-aktar tnaqqis fil-ħin tat-traġitt minn u lejn il-Belt, meta dawn jitqabblu mar-rotot regolari. It-tnaqqis fil-ħin kien ivarja bejn ħames minuti u kwarta.
Il-Gvern u l-ADT huma kommessi li josservaw mill-viċin l-effett li ser ikollha d-dħul is-sistema ta’ aċċess kontrollat tal-vetturi fil-Belt Valletta fuq is-sitwazzjoni tat-trasport minn u lejn il-Belt u ser ikunu qed jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-bżonn.
Fid-dawl ta’ dan, il-Gvern laħaq qbil ma’ l-ATP sabiex numru ta’ karozzi tal-linja jinżammu standby biex dawn jgħamlu tajjeb f’każ li jkun hemm żieda fid-domanda fuq ir-rotot normali minn u lejn il-Belt minn dakinhar li tidħol fis-seħħ is-sistema ġdida. Fil-fatt min-nhar l-Erbgħa li ġej il-frekwenza tar-rotot normali ser tkun tista’ tiżdied malajr grazzi għal dawn il-karozzi tal-linja standby.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq irringrazzja lill-Assoċazzjoni tat-Trasport Pubbliku għall-koperazzjoni li wriet biex dawn is-servizzi ġodda setgħu jitniedew. Hu qal li dan il-ftehim jawgura tajjeb għat-titjib tat-trasport pubbliku bi skeda, speċjalment fid-dawl tar-riforma tas-servizz.
L-iskedi u dettalji oħra tar-rotot 153 u 132 ser ikunu qed jiġu reklamati b’qawwa fil-ġurnali u fuq ir-radju fil-jiem li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en