Tlett ijiem ta’ divertiment fil-Port il-Kbir
Bejn is-Sibt 28 u t-Tnejn 30 ta’ April qed ikunu organizzati tlett ijiem ta’ divertiment li jinkludu Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, Festival ta’ l-Ikel u kunċerti mill-aqwa b’talent lokali.
Fil-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar ser jieħdu sehem fabbriki tal-logħob tan-nar mill-Italja, iċ-Ċina, l-Awstrija u Malta. Tul it-tlett ijiem ser ikun hemm spettakli ta’ logħob tan-nar, b’kompetizzjoni għall-aħjar logħob tan-nar li ser jintagħżel minn ġurija ta’ esperti internazzjonali fil-piroteknika u permezz tal-SMS mill-pubbliku.
Kull jum ser ikun hemm kunċert. Fl-ewwel jum il-kunċert ser jieħu l-forma ta’ awgurju għal Olivia Lewis li ser tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest. Il-Ħadd l-attrazzjoni ewlenija ser tkun Ira Losco li ser tkun akkumpanjata minn Klinsmann & band, Fabrizio Faniello u Aldo Unplugged. L-attrazzjoni ewlenija fil-kunċert tat-Tnejn ser ikunu l-Winter Moods bil-parteċipazzjoni ta’ Gianni & Friends u Walter Micallef Unplugged.
Il-Festival ta’ l-Ikel ser jinkludi ikel ta’ kull tip u kwalità, sew lokali kif ukoll barrani.
Tul ix-xatt minn taħt il-Monument tal-Qanpiena sal-Valletta Waterfront ser ikun hemm erba’ areas differenti:
· post fejn ser jittellgħu il-kunċerti;
· post fejn nies joqgħodu bil-qiegħda;
· ‘folk area’ f’Ta’ Liesse fejn ser issir il-Festa tal-Madonna Ta’ Liesse bil-purċissjoni,
· tittella’ l-Għanja tal-Poplu fejn ser ikun hemm diversi kantanti folkloristiċi Maltin; u l-area ta’ l-ikel.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li żar l-erba’ nħawi fejn se jsiru l-attivitajiet u segwa l-aħħar preparazzjonijiet, qal li l-Ministeru tiegħu din is-sena iddeċieda li jgħaqqad flimkien il-festival tal-logħob tan-nar u l-festival ta’ l-ikel biex joffri lill-poplu Malti u Għawdxi u lit-turisti li jkun Malta, tlett ijiem ta’ divertiment mill-aqwa f’wieħed mill-isbaħ postijiet tal-pajjiż, il-Port il-Kbir.
“Kemm il-Festival tal-Logħob tan-Nar kif ukoll il-Festival ta’ l-Ikel illum saru parti mportanti mill-kalendarju ta’ attivitajiet li qed jorganizza b’mod regolari l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. Il-Festival tal-Logħob tan-Nar kiber fl-importanza tiegħu minn erba’ snin ’l hawn u minn mindu pajjiżna issieħeb fl-Unjoni Ewropea, dan il-festival sar parti miċ-ċelebrazzjonijiet. Il-fatt li din is-sena mal-Festival tal-Logħob tan-Nar ser jiżdied il-Festival ta’ l-Ikel ikompli jagħti liċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-importanza li jixirqilhom, għaliex din fetħet għal pajjiżna oriżżonti mill-aqwa fl-oqsma ekonomiċi u kulturali,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dawn l-attivitajiet fuq skala hekk kbira qed jagħtu lil pajjiżna isem ta’ destinazzjoni turistika orjentata lejn avvenimenti ta’ kalibru li jattiraw turisti li jinteressahom jiddevertu f’atmosfera unika kif nafu nipprovdu aħna biss. Hu awgura lill-poplu Malti biex jiċċelebra t-tielet anniversarju mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea billi jattendi bi ħġaru għal dawn l-attivitajiet kbar li qed ikunu organizzati.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en