Ministru Libjan għal laqgħa mal-Komunita’ Kummerċjali Maltija - Appoġġ mill-Kamra tal-Kummerċ għall-Miri Strateġiċi tal-Politika Barranija
Abdel Aziz El Eissawi, il-Ministru Libjan ta’ l-Ekonomija, Kummerċ u Investimenti, laqa’ stedina tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u mistenni jiġi Malta biex jipparteċipa f’seminar għal negozjanti Maltin li huma mħajjra jinvestu fil-Libja.
Dan ħabbru l-Ministru Frendo stess waqt “Business Breakfast” li kellu dal-għodu ma’ membri tal-Kamra tal-Kummerċ.
Matul din il-laqgħa, l-Ministru spjega l-Miri Strateġiċi tal-Politika Barranija ta’ Malta b’enfasi partikolari fuq il-ħidma tal-Ministeru fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali.
Il-Ministru spjega l-ħtieġa li pajjiżna jieħu l-massimu tal-benefiċċji politiċi u ekonomiċi mir-rilevanza ġeopolitika tiegħu kif ukoll il-bżonn li nagħmlu suċċess mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, il-Ministeru jaħdem ukoll biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ta’ Malta partikolarment mal-pajjiżi ġirien b’indirizz speċjali fuq it-tisħiħ tad-djalogu, il-paċi u l-istabilita’ u l-prosperita’ fil-Mediterran u l-Lvant Nofsani.
Malta trid ukoll issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ ekonomiji kbar li diġa’ jeżistu kif ukoll ma’ ekonomiji emerġenti u dan tfittex li tagħmlu wkoll billi timmassimizza l-benefiċċji multi-settorjali permezz tal-qafas internazzjonali ta’ ambaxxati u konsulati mferrxa mad-dinja.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jaħdem ukoll biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet, politiċi u ekonomiċi mal-pajjiżi fejn hemm jgħixu emigranti Maltin. Permezz ta’ ħidma assidwa fil-kamp internazzjonali, Malta tappoġġja inizjattiva maħsuba biex ikun hawn regolamentazzjoni ġusta tal-kummerċ internazzjonali u tħares l-interessi tal-pajjiż fir-rigward ta’ l-isfidi li ġġib magħha l-globalizzazzjoni.
Il-Ministru Frendo tkellem ukoll dwar il-ħidma li qed jagħmel hu u uffiċċjali tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin biex ikun attirat investiment barrani lejn Malta jew biex Maltin ikunu mħajjra jinvestu barra. Dan isir b’diversi modi, fosthom permezz ta’ delegazzjonijiet kummerċjali li l-Ministru stess iniedi barra l-pajjiż, kif ukoll b’negozjati għal Ftehim għal Ħelsien mit-Taxxa Doppja ma’ diversi pajjiżi u b’diversi modi oħra li jiffaċilitaw l-iskambji kummerċjali.
Min-naħa tiegħu s-Sur Victor Galea, President tal-Kamra tal-Kummerċ, filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Frendo ta’ din il-laqgħa, wera l-apprezzament tal-Kamra tal-Kummerċ għall-fatt li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, poġġa fost il-miri strateġiċi tal-ħidma tal-Ministeru tiegħu, enfasi fuq l-aspett kummerċjali u dak ta’ investiment u esprima l-appoġġ tal-Kamra tal-Kummerċ għal dawn il-miri.
Hu rrikonoxxa wkoll il-fatt li l-Ministru riċentement ħatar numru ta’ ambaxxaturi li għandhom esperjenza tajba tan-negozju u l-kummerċ.
Il-President qal li l-istedina tal-Ministru Frendo għal din il-laqgha hi riflessjoni għall-istima li l-Ministru għandu lejn is-settur kummerċjali u l-kontribut li dan is-settur jagħti għat-tisħiħ ta’ l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ kellu wkoll kliem pożittiv għall-kollaborazzjoni sħiħa li l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin qed jestendi lis-settur kummerċjali, u semma b’mod partikolari d-delegazzjoni kummerċjali li l-Ministru Frendo se jmexxi fiċ-Ċina x-xahar id-dieħel u qal li fost il-komunita’ kummerċjali hemm ħafna nteress f’din iż-żjara.
F’isem il-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur Galea, awgura lill-Ministru Frendo kull suċċess għall-kandidatura tiegħu għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en