Pjan ta’ Azzjoni għar-riġenerazzjoni tal-attivita’ kummerċjali fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ DbieĠi f’Għawdex
Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u Self Employed l-Onor. Edwin Vassallo, is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Għarb is-Sur David Apap u s-Sur Martin Bowerman f’isem il-Malta Enterprise illum iffirmaw pjan ta’ azzjoni għar-riġenerazzjoni tal-attivita’ kummerċjali fil-villaġġ tal-artiġjanat ta’ Ta’ Dbiegi f’Għawdex. Dan il-pjan ta’ azzjoni ser jara li:
· jippromwovi l-artiġjanat u l-villaġġ f’Ta’ Dbiegi,
· jippromwovi il-villaġġ bħala destinazzjoni turistika,
· li tingħata għajnuna lill-assoċjazzjoni tas-sidien tan-negozji fil-villaġġ,
· li jsir marketing opportun lill-villaġġ, u
· li tingħata opportunita’ lis-sidien sabiex dawn jesebixxu il-prodott artiġjanali tagħhom barra minn Malta.
Waqt it-tnehdija ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni s-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u Self Employed l-Onor. Edwin Vassallo qal li “llum qed nibdew fażi ġdida fil-ħajja tal-artiġjanat f’ta’ Ta’ Dbiegi. Illum qed niffirmaw ftehim li għandu jwassal sabiex ikun hemm kollaborazzjoni bejn il-Gvern, il-Kunsill Lokali tal-Għarb u l-Malta Enterprise biex jiġu organizzati attivitajiet relatati mal-arti u l-artiġjanat, u sabiex kollettivament naħdmu favur inizjattivi biex il-villaġġ ta’ Dbiegi ikun reklamat aħjar lokalment u jkun stabbilit bħala destinazzjoni turistika b’aktar prominenza.”
Is-Segretarju Parlamentari kompla qal li “ikun inutli li l-Gvern investa ammonti kbar ta’ flus fuq il-bini u r-ristrutturar tal-Villaġġ jekk dan imbagħad ma jkunx sfruttat b’mod tajjeb għal ġid tal-attivita’ kummerċjali f’Għawdex. Il-Gvern jinteressaħ jara attivita’ kummerċali b’saħħitha mhux biss f’Malta imma wkoll f’Għawdex, u għalhekk qed naraw fl-artiġjanat Malti u Għawdxi niċċa mportanti sabiex din l-attivita’ kummercali tkompli tikber u tissaħħaħ f’Malta u Għawdex.”
Fost l-inizjattivi ta’ reklamar u marketing imfassla fil-pjan ta’ azzjoni hemm:
a) Installazzjoni ta’ tabelli fit-toroq li jindikaw ir-rotta għall-villaġġ artiġjanali mill-port ta’ l-Imġarr sal-villaġġ innifsu;
b) Publikazzjonijiet stampati b’mapep u informazzjoni fuq l-artiġjani u t-tip ta’ artiġjanat li jiġi maħdum fil-villaġġ u l-attrazzjonijiet fl-istess post;
ċ) Reklamar fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u tqassim ta’ flyers fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr;
d) Reklamar fuq publikazzjonijiet imqassma lokalment kif ukoll dawk imqassma barra minn xtutna;
e) Ikunu organizzati ħarġiet edukattivi u kulturali għall-istudenti tal-iskejjel f’Għawdex lejn dan il-villaġġ;
f) Ikun stampat direttorju kummerċjali tal-villaġġ li jelenka il-bejjiegħa kollha f’dan il-villaġġ u l-artiġjanat tagħhom;
g) Opportunitajiet għall-artiġjana fil-villaġġ sabiex jesponu l-artiġjanat tagħhom barra minn xtutna speċjalment f’dawk l-irħula li magħhom il-Kunsill Lokali tal-Għarb għandu ġemellaġ; u
h) Ikunu organizzati attivitajiet edukattivi, kummerċjali u kulturali fil-villaġġ ta’ Dbiegi.
Il-Gvern flimkien mall-Kunsill Lokali tal-Għarb ser ikunu qed jiffinanzjaw dawn il-proġetti fuq medda ta’ sentejn b’għajnuniet finanzjarji mill-Unjoni Ewropea.
Bħalissa fil-villaġġ ta’ Ta’ Dbiegi hemm 13-il inkwilin u fix-xhur li ġejjin ser jiżdiedu erba’ inkwilini oħra ġodda sabiex b’kollox ikun hemm 17-il vetrina ta’ xogħol ta’ manifattura ta’ artiġjanat u bejgħ fil-villaġġ. Dan kollu qed ikun possibli wara li l-Gvern reċentament investa madwar Lm80,000 (€186,349.87) fl-upgrading tal-villaġġ permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en