Dħul Gradwali fis-Seħħ ta’ Linji Gwida li jirregolaw l-immaniġġjar ta’ Siti ta’ Kostruzzjoni
Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja regolamenti bħala linji gwida għall-immaniġġjar ta’ siti ta’ kostruzzjoni li għandhom iservu bħala strument ġdid lir-residenti fil-ħarsien tad-drittijiet tagħhom. Dawn ir-regolamenti li ser jiddaħħlu b’mod gradwali ser jikkunsidraw it-tip ta’ kostruzzjoni kif ukoll tas-sit fejn tkun għaddejja l-attivita’.
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino ħabbar dawn ir-regolamenti għal konsultazzjoni pubblika waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet. Il-Ministru tkellem dwar l-iskop ta’ dawn ir-regolamenti li huwa limitat għall-immaniġġjar ambjentali tas-siti ta’ kostruzzjoni u mhumiex intiżi biex jidħlu f’materji li huma diġa’ regolati minn leġislazzjoni eżistenti.
Fost l-oħrajn insibu li ħsara li ssir fuq proprjeta’ ta’ terzi hija regolata permezz tal-Kodiċi Ċivili, Kapitolu 16, Sezzjonijiet 1031, 1032, 1033, 1037, 1038 u 1041. L-Att dwar l-Awtorita’ tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-post tax-Xogħol, f’Sezzjoni 6, jitratta wkoll l-aspett tar-responsabbilta’ ta’ min iħaddem fuq is-saħħa u s-sigurta’ ta’ kull min jista’ jkun effettwat mix-xogħlijiet.
Ir-regolamenti jikkonċernaw aspetti tal-attivitajiet tal-bini li huma fost l-akbar inkonvenjenti għar-residenti ta’ l-inħawi. Dan jinkludi t-tqattiegħ ta’ ġebel u bricks, passaġġi għall-pedestrians, ħażna ta’ materjal, informazzjoni dwar il-manager tas-sit u ħinijiet tax-xogħol.
Il-Ministru Pullicino qal li l-ebda Regolamenti ma jistgħu jkunu totalment effettivi jekk ma jkunx hemm ukoll ammont ta’ ‘self-regulation’ mill-partijiet kollha kkonċernati. “Irid ikun hemm impenn sħiħ minn kull min hu nvolut fl-industrija jekk tabilħaqq irridu naslu f’punt fejn l-attivita’ marbuta ma’ din l-industrija, tħalli l-anqas impatt possibli fuq il-ġirien, ir-residenti u l-poplu kollu in ġenerali.”
L-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti ser isir abbażi ta’ dak li qed isir fir-rigward tal-littering regulations, liema nfurzar dan l-aħħar kien imsaħħaħ, b’riżultati sodisfaċenti, permezz ta’ l-ingaġġ ta’ ħaddiema li sa’ ftit ilu kienu mpjegati tal-IPSL.
It-tħejjija ta’ dawn ir-regolamenti saret wara sensiela ta’ laqgħat konsultattivi ma’ partijiet konċernati fosthom il-GRTU, il-Kamra tal-Periti, l-FOI, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Building Industry Consultative Council (BICC).
Biex dawn ir-regolamenti jilħqu l-għan aħħari tagħhom, hemm bżonn li kulħadd jagħti sehemhu. Il-Ministru George Pullicino appella:
· lill-kuntratturi biex jieħdu miżuri minn issa biex jirregolaw aħjar l-attivita’ tagħhom;
· lill-ħaddiema biex sa’ fejn hu possibli jieħdu miżuri li jnaqqsu l-inkonvenjent lir-residenti, anke f’ċirkostanzi mhux imħarsa minn dawn ir-regolamenti;
· lir-residenti billi huma jifhmu x’inhuma d-drittijiet tagħhom u jirrappurtaw fejn ikun meħtieġ biex naqtgħu il-prattiċi ħżiena f’din l-attivita’.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq fil-25 ta’ Mejju u kummenti jistgħu jintbagħtu minn fuq is-sit www.mrae.gov.mt/construction.asp
Stqarrijiet Oħra:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en