ATTIVITAJIET BIEX IFAKKRU JUM L-EWROPA
Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Mejju jitfakkar Jum l-Ewropa. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dak il-jum se jġibu wkoll fit-tmiem tagħhom l-attivitajiet li kienu organiżżati f’pajjiżna biex ifakkru l-50 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma. U f’Malta qed infakkru wkoll it-tielet anniversarju mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
F’Marzu li għadda kienu organizzati attivitajiet oħra biex infakkru l-50 Anniversarju mit-Trattat ta’ Ruma fosthom l-inawgurazzjoni ta’ Ġnien il-Paċi f’Hastings; quddiesa ta’ Radd il-Ħajr u Servizz Ekumeniku fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann u l-Kunċert bid-Disa’ Sinfonija ta’ Beethoven fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo qal li l-attivitajiet li se jsiru issa huma aktar immirati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-Ġimgħa, 4 ta’ Mejju:
Attivita’ Sportiva u Kulturali għat-Tfal ta’ l-Iskejjel
Din se ssir fil-Cottonera Sports Complex f’Bormla fejn tfal ta’ l-iskejjel l-ewwel jippreżentaw numru ta’ żifniet tradizzjonali minn pajjiżi Ewropej, inkluż Malta u wara jkun hemm manifestazzjoni sportiva bis-sehem tat-tfal.
Is-Sibt u l-Ħadd, 5 u 6 ta’ Mejju:
Football Tournament għat-Tfal
Dan se jsir fil-kumpless tal-Luxol Grounds f’Pembroke. Tfal mid-diversi ‘nurseries’ tal-Football imferrxa ma’ Malta se jinġabru f’dan il-kumpless għal dan it-tournament. Kull ‘nursery’ se tirrappreżenta kull wieħed mis-27 pajjiż membri ta’ l-Unjoni Ewropea. Mhux se ssir kompetizzjoni iżda esibizzjoni. It-tournament ikun mifrux fuq jumejn. Il-parteċipanti kollha jingħataw tifkira ta’ din l-okkażjoni.
Is-Sibt 5 ta’ Mejju:
Spettaklu ta’ Kant
Dan l-ispettaklu se jsir fil-Car Park fejn it-Tigulio f’San Ġiljan, mit-8.30 p.m. ‘l quddiem u hu maħsub biex jiġbed lejh iż-żgħażagħ. S’issa diġa’ kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom uħud fost l-aqwa talent lokali fosthom il-YADA Dancers, Klinsman, Walter Micallef, Trilogy, Aldo Busuttil, Fabrizio, Claudette Pace u Chiara.
L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju:
Appuntament tat-Tfal ma’ l-Ewropa
Din hi attivita’ li nagħmlu kull sena f’Jum l-Ewropa. Din is-sena se nagħmluh fis-Sala tal-Parlament fejn tfal minn skejjel differenti jirrappreżentaw id-diversi Kummissarji ta’ l-Unjoni Eworopea u jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar suġġetti partikolari u mbagħad jagħmlu mistoqsijiet lil Ministri, membri tal-Parlament ta’ Malta u tal-Parlament Ewropew u personalitajiet oħra. L-attivita’ titmexxa mill-Ispeaker tal-Parlament Malti.
Wara t-tfal jinżlu fil-bitħa tal-Palazz fejn jingħaqad magħhom il-President ta’ Malta, issir ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar ta’ Malta u l-Ewropa u jsir party żgħir ta’ l-okkażjoni.
Il-Ministru Frendo ħabbar ukoll li fid-9 ta’ Mejju, l-Ministeru tiegħu se jistitwixxi “Preżentazzjoni dwar l-Ewropa”. Dan se jkun avveniment annwali li fih issir taħdita b’riflessjoni dwar l-Unjoni Eworpea. F’din l-ewwel sena t-taħdita se tingħata mill-Ministru Michael Frendo nnifsu, li se jirrifletti dwar il-50 sena li jmiss fl-Unjoni Ewropea.
Ringrazzjamenti
Il-Ministru Frendo temm id-diskors tieghu billi “rringrazzja lill-Kumitat Nazzjonali li ħtarna biex jorganizza dawn il-festi; lill-iSpeaker tal-Parlament, lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta; l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-belt Valleta; il-Fourm Malta fl-Ewropa u lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom biex setgħu jkunu organizzati dawn il-festi.”
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en