IL-MINISTRU MICHAEL FRENDO FIL-LIBJA
Jindirizza l-Academy of Graduate Studies fi Tripli dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn Malta u l-Libja
Jħabbar li l-Forum Eknomiku tal-Mediterran Ċentrali ser jiġi varat lejn l-aħħar ta’ din is-sena
Jinawgura l-Uffiċċju tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija-Libjana fi Tripli
-Laqgħat mal-Ministri Dorda, Eissawi, u Shalgam, mas-Segretarju Internazzjonali tal-Kungress tal-Poplu Shahoumi u l-Viċi Ministru Obeidi
-Diversi opportunitajiet għall-Impriżi Maltin fil-Libja
-Bżonn li l-5+5 jerġa’ jiltaqa’malajr fuq livell tal-Ministri ta’ l-Intern u tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin
Fi żjara ta’ jumejn, il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, Michael Frendo, indirizza l-istudenti ta’ l-Academy for Graduate Studies ta’ Tripli dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja. Huwa wkoll inawgura uffiċjalment l-uffiċċju tal-Kamra tal-Kummerċ Libjana-Maltija fi Tripli u kellu laqgħat mal-Ministru għall-Ekonomika, Kummerċ u Investiment, Ali Abdelaziz Saleh El Eissawi, il-Ministru Libjan ta’ l-Infrastruttura u Housing, Abu Zeid Dorda, li huwa wkoll ko-President tal-Għaqda tal-Ħbiberija Malta-Libja, u l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Libjan Abdul Rahman Shalgam u l-Viċi Ministru El Obeidi.
F’dawn il-laqgħat ġie emfasizzat l-opportunitajiet għall-impriżi Maltin li jridu jipparteċipaw fil-hidma kbira li qed issir fil-Libja fil-qasam ta’ l-infrastruttura u housing, l-investiment Malti fi proġetti fil-Libja u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Libja wara s-suċċess tal-Kummissjoni Mista Maltija-Libjana. Il-Ministru Dorda qal li l-Libja qed taħdem mas-settur privat biex tindirizza l-ħtieġa ta’ housing u proġetti infrastrutturali oħrajn.
Il-Ministru Shalgam u l-Ministru Frendo ftehmu li jaħdmu flimkien biex isaħħu l-grupp 5+5 u li kien hemm bżonn urġenti li jerġgħu jsiru l-laqgħat tal-Ministri tal-għaxar pajjiżi partikolarment dawk ta’ l-Intern u dawk ta’ l-Affarijiet Barranin biex jindirizzaw il-perikli tat-terroriżmu u l-isfidi ta’ l-immigrazzjoni illegali. L-aħħar laqgħa tal-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin tal-grupp 5+5 saret f’Malta u kienet ippreseduta mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo fl-2005.
Il-Ministru Frendo żar ukoll il-premises ta’ Medilink Clinic, investiment Malti fil-Libja fis-servizzi mediċi u partikolarment f’dawk ta’ emergenza. Dan il-proġett, apparti milli joffri servizz mediku ta’ l-ogħla livell fil-qasam ta’ l-emerġenzi, u jinkludi faċilitajiet ta’ livell ta’ l-ITU u ambulanzi, u sistema ta’ ‘telemedicina’, għandu wkoll apparat u personnel kapaċi li joffru servizzi bħal ħruġ ta’ persuni maqbuda f’karozzi wara inċidenti stradali.
Fil-laqgħat tiegħu l-Ministru Frendo wera x-xewqa li Malta jkollha wkoll preżenza b’Ċentru Kulturali u ta’ Ħbiberija fil-Medina l-Qadima ta’ Tripli, fejn jkunu jistgħu jsiru laqgħa għaż-żgħazagħ Maltin u Libjani, seminars u wirjiet artistiċi bejn il-popli taż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo indirizza l-istudenti ta’ l-Academy for Graduate Studies ta’ Tripli. Fiha l-Ministru Frendo emfażizza li l-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi hija fuq sisien sodi u li l-perspettiva Mediterranea u ta’ kooperazzjoni mal-Libja ssaħħet u mhux iddgħajfet bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa semma diversi linji fejn iħoss li Malta u l-Libja jistgħu jaħdmu flimkien mhux biss bilateralment imma wkoll fir-reġjun. Fid-diskors tiegħu huwa stieden lil Libja biex tkun, permezz ta’ għaqda ta’ operaturi ekonomiċi tagħha, fost il-fundaturi tal-Forum Ekonomiku tal-Mediterran Ċentrali (Central Mediterranean Economic Forum) li huwa qal ser jiġi varat f’Malta lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-Ministru Frendo qal li diġà ntwera interess mit-Tuneżija fejn huwa kien nieda dan il-kunċett sena ilu, u mill-Italja partikolarment mill-Confindustria tar-reġjun ta’ Sqallija. Huwa qal li flimkien, dawn il-pajjiżi u Sqallija biss jagħmlu suq ta’ 22 miljun li huwa qarib ħafna ta’ xulxin ġeografikament u jrid jissaħħaħ b’Forum Ekonomiku li jindirizza barrieri kulturali u amministrattivi u jkabbar il-konoxxenza tan-nies tan-negozju ta’ dawn is-swieq u tal-counterparts tagħhom fil-kummerċ.
Fil-laqgħa li l-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Ministru Frendo kellu mal-Ministru Libjan ta’ l-Ekonomija, il-Kummerċ u l-Investiment Ali Abdel Aziz Saleh El-Eissawi, il-Ministru Libjan fisser kif pajjiżu għaddej minn tranżizzjoni fl-ekonomija tiegħu u kif qed jilliberalizza l-politika tiegħu dwar il-kummerċ bl-iskop li jkun hemm tkabbir ekonomiku bl-intervent tas-settur privat. Iż-żewġ Ministru qablu li jinkoraġixxu proġetti bi sħab bejn interessi Libjani u Maltin u ftehmu li jinvestigaw kif jistgħu jiffaċilitaw dan fil-laqgħat li qed isiru fi ħdan il-Kummissjoni Konġunta Mista.
Il-Ministru Frendo, wara li qal li huwa importanti li l-Libja tara lil Malta bħala l-bieb għas-suq intern Ewropew u li l-ħbiberija ppruvata ta’ bejniet il-pajjiżi u l-popli tista’ tissarraf f’ġid komuni għat-tnejn, stieden lill-Ministru Essawi biex jiġi Malta biex, flimkien, jagħmlu konferenza dwar kif il-Maltin u l-Libjani jistgħu jaħdmu flimkien b’investimenti u proġetti fil-Libja u f’Malta.
Il-Ministru Frendo heġġeġ ukoll li jiġi finalizzat il-ftehim bejn l-Academy of Graduate Studies ta’ Tripli u l-Mediterranean Academy for Diplomatic Studies ta’ Malta biex iż-żewġ istituzzjonijiet jaħdmu flimkien u jkun hemm preżenza ta’ Professur Libjan anki fl-Akkademja.
Il-Ministru Frendo kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti fil-Libja Dr Joe Cassar, mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Cecilia Attard Pirotta u l-Kap tas-Segretarjat Joseph Mifsud. L-Ambaxxatur Libjan f’Malta Saad El-Shlimani attenda wkoll għal-laqgħat.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en