IL-PRIM MINISTRU JAĦTAR IĊ-CHAIRPERSON TAL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI
Il-Prim Ministru, Dr Lawrence Gonzi, illum ħatar lis-Sur Sonny Portelli bħala ċ-chairperson il-ġdid tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Din il-ħatra saret wara konsultazzjoni mal-korpi membri kollha tal-Kunsill.
Is-Sur Portelli beda l-karriera tiegħu fiċ-Ċivil li ħalla aktar tard sabiex jaħdem fl-Industrija tat-Turiżmu. Huwa rikonoxxut bħala speċjalist fil-qasam tal-marketing u matul karriera ta’ tletin sena, kellu pożizzjonijiet ta’ management prattikament fl-oqsma kollha tat-turiżmu. Huwa żar diversi pajjiżi u għandu bosta kuntatti barra minn Malta f’numru ta’ setturi kummerċjali.
Ilu chairman tal-Maltacom Group of Companies minn Diċembru ta’ l- 2003. Huwa mexxa lil dan il-Grupp lejn bidla li hija ġeneralment magħrufa bħala l-aktar privatizzazzjoni trankwilla li qatt seħħet f’kumpanija parastatali Maltija.
Barra mir-responsabbiltajiet tiegħu fil-Maltacom, huwa wkoll Direttur ta’ l-HSBC Bank Malta plc u qiegħed fil-board ta’ numru ta’ kumpaniji lokali. Barra minn hekk, jibqa’ assoċjat ma’ l-Industrija tat-Turiżmu minħabba li huwa membru fil-boards ta’ wħud mill-aqwa hotels lokali.
Sonny Portelli jidher persuna mill-aktar kwieta iżda huwa rikonoxxut bħala negozjatur persistenti li jaħdem bis-sħiħ għall-ftehim.
Sonny Portelli għandu 62 sena, miżżewweġ, missier ta’ żewġ subien u nannu ta’ wieħed. Huwa jġemma’ l-kotba, partikularment Melitensia, iħobb jisma l-mużika klassika u għandu passjoni għall-football.
Il-Prim Ministru jixtieq jirringrazzja liċ-chairperson uxxenti, is-Sur Victor Scicluna, għall-ħidma tiegħu.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en