Iktar kotba ġodda għal-Libreriji t’Għawdex
Dalgħodu ġiet inawgurata wirja fil-Librerija Pubblika t’Għawdex fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Ktieb li tiġi ċċelebrata kull sena madwar id-dinja fit-23 t’April.
Għal din l-okkażjoni hemm għal wiri madwar 600 ktieb ġdid qabel ma’ dawn jiżdiedu mal-kollezzjonijiet li hemm fl-istess Librerija Pubblika u l-Librerija għas-Self tal-Kotba li hemm fir-Rabat, il-Librerija fl-isptar Ġenerali t’Għawdex kif ukoll fil-ħdax-il librerija fl-irħula ta’ Għawdex.
Il-kotba ġodda li inxtraw permezz ta’ fondi allokati mill-Ministeru għal Għawdex ser iżidu l-firxa wiesa’ ta’ kotba li hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’dawn il-libreriji. Is-suġġetti varji ta’ dawn il-kotba jindirizzaw il-bżonnijiet tal-pubbliku ġenerali kif ukoll ta’ l-istudenti minn livell primarju sa dak Universitarju.
It-talba għas-servizzi mil-libreriji pubbliċi f’Għawdex f’dawn l-aħħar snin ilha kull ma jmur tiżdied permezz ta’ membri ġodda li japplikaw biex jisselfu l-kotba. Matul l-2006 kien hemm żieda ta’ 760 membru ġdid filwaqt li 5,900 persuna għamlu użu mis-servizz ta’ l-Internet, li qed jingħata fil-Librerija Pubblika wara li l-Ministeru għal Għawdex xtara apparat elettroniku s-sena ta’ qabel. Fl-aħħar sena ġew mislufa total ta’ 117,881 ktieb filwaqt li 135 tifel u tifla f’livell primarju attendew għal sessjonijet ta’ qari. Matul is-sena jiġu organizzati b’mod regolari żjarat ta’ orjentazzjoni għal studenti flimkien ma’ l-għalliema u ġenituri tagħhom.
Il-Librerija Pubblika ta’ Għawdex, li hija l-fonti prinċipali ta’ riferenzi f’Għawdex, offriet servizz lil madwar 3000 persuna matul is-sena 2006. L-introduzzjoni tas-sistema elettronika E-libraries issa tagħmilha possibli li wieħed jidħol fuq il-katalogu elettroniku tal-librerija permezz ta’ l-internet u jfittex l-informazzjoni li jeħtieġ. It-tiġdid ta’ kotba flimkien ma’ domanda biex jinżammu kotba li jkunu mislufa jistgħu jiġi effetwati bl-istess mod.
F’diskors qasir li għamel waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, il-Kap tas-Segretarjat Privat is-sur Anthony Borg, għan-nom ta’ l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, saħaq dwar l-importanza li għandu jingħata l-ktieb, minkejja l-era ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ informazzjoni teknoloġika li qed ngħixu fiha. Minbarra li jservi bħala mezz ta’ tagħlim u edukazzjoni, il-ktieb kien, għadu u jibqa’ ħabib tal-bniedem. Permezz ta’ qari ta’ letteratura klassika flimkien ma’ qari dwar storja u kultura, il-qarrej jiġi mogħni bi kwalitajiet ta’ bniedem kult.
Huwa rrefera għall-kollezzjoni ta’ Melitensia esebita, li tagħmel parti minn għotja ta’ 759 ktieb li ġew miżjuda mal-kollezzjoni eżistenti fl-2006. Is-Sur Borg semma wkoll taqsima f’din il-wirja li ttellgħet fl-okkażjoni ta’ l-egħluq il-mitt sena mill-mewt ta’ Patri Manwel Magri SJ, li minbarra li kien edukatur, kien ukoll arkeologu u riċerkatur. Bejn l-1892 sal-1898, Patri Magri serva bħala Prefett ta’ l-istudji fis-Seminarju ta’ Għawdex fejn aktar tard serva wkoll bħala Rettur għal erba’ snin. Omaġġ ieħor f’din il-wirja qed jingħata lill-Maġġur Albert E Abela, li miet aktar kmieni din is-sena u li kien meqjus bħala ħabib kbir tal-librerija. Is-sur Borg faħħar din l-inizjattiva waqt li qal li minkejja li rridu nimxu maż-żmien, irridu wkoll napprezzaw lil dawk li ħadmu fil-passat biex il-gżejjer tagħna setgħu jiksbu l-livell ta’ edukazzjoni u kultura li qed ingawdu minnhom illum.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-26 ta’ Mejju 2007.
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-ktieb ser jiġu organizzati żewġ attivitajiet oħra fil-Librerija Pubblika tar-Rabat flimkien mal-Literacy Unit fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fis-26 ta’ April 2007 ser ikun hemm sessjonijiet ta’ qari għal studenti li jattendu r-raba’ sena fl-Iskola Konservatorju ta’ l-Isqof fir-Rabat u oħrajn mit-tielet sena ta’ l-iskola Primarja Rosa Magro fix-Xewkija. Il-Gimgħa 27 ta’ April 2007 ser jiġi ppreżentat ‘Sqaq l-Infern’, l-ewwel ktieb mit-Triloġija tal-Fiddien mill-awturi Simon Bartolo u Lorainne Vella. Għal din il-preżentazzjoni ser jattendu studenti minn Form 3 mill-Kumpless tal-Liċeo Ninu Cremona flimkien ma’ studenti tal-Form 2 mill-Iskola Konservatorju ta’ l-Isqof fir-Rabat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959