Ftehim bejn l-MTV u l-Malta Song Board
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech illum ħabbar ftehim milħuq bejn l-MTV, l-istazzjon televiżiv tal-mużika, u l-Malta Song Board li permezz tiegħu mil-lum se jixxandru 168 spot ta’ 30 sekonda li huma ta’ reklam għal Malta u promozzjoni għall-kanzunetta “Vertigo”, li Olivia Lewis se tkanta fis-semi-finali tal-Eurovision Song Contest. L-MTV Europe hu segwit minn madwar 7.7 miljun persuna fl-Albanija, Armenja, Belġju (Flanders), Belarus, Bulgarija, Repubblika Ċeka, Ċipru, Georgia, Greċja, Ungerija, Islandja, Israel, Lussimburgu, Malta, Moldova, Repubblika Slovakkja u Ukrajna.
Dan ir-reklam għal Malta, bejn issa u l-Eurovision Song Contest, qed jitħallas mill-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta. Ir-reklam fih messaġġ minn Olivia Lewis fl-isfond tal-kanzunetta Vertigo.
“Il-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika qiegħda bħalissa fl-aqwa tagħha. F’din il-kampanja l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta tagħmel minn kollox biex tieħu l-aħjar riżultati mill-flus li tonfoq. Fil-każ tar-reklam fuq l-MTV, li għandu udjenza qawwija ħafna fost dawk kollha delettanti tal-mużika, l-MTA qed tilħaq l-iskop doppju li tagħmel reklam għal pajjiżna u reklam għal Olivia Lewis, li anke r-riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha tista’ tkun ta’ promozzjoni għal Malta,” qal l-Ministru Zammit Dimech meta ħabbar il-ftehim.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-riżultati pożittivi li ksibna fl-aħħar sitt xhur fil-qasam turistiku huma r-riżultat ta’ ħidma qawwija mill-MTA biex tippromwovi lil Malta fis-swieq ewlenin tagħna u fi swieq oħra, l-aktar fl-Ewropa. Hu qal li ż-żieda fit-turisti hi wkoll r-riżultat ta’ titjiriet minn low cost carriers li qed jagħmlu titjiriet minn u lejn Malta u li fetħulna swieq turistiċi ġodda għal pajjiżna.
“Fi żmien meta l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku hi ħarxa aħna rridu nagħmlu dak kollu possibbli – fil-limitazzjonijiet finanzjarji tagħna – biex nattiraw turisti ġodda lejn pajjiżna,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li żied li dan kien jinkludi l-promozzjoni ta’ dak kollu li kien jagħmel minn pajjiżna destinazzjoni unika.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura, l-arti u l-wirt kulturali tagħna; it-tagħlim ta’ l-Ingliż; il-qagħda strateġika tagħna f’nofs il-baħar Mediterran; kif ukoll il-konferenzi u l-inċentivi kienu kollha niċeċ li rridu nippromwovu. Il-Ministru Zammit Dimech semma’ wkoll l-attivitajiet mużikali u kulturali ta’ kalibru internazzjonali li qed jiġu organizzati fuq bażi regolari f’Malta u Għawdex u li qed ipoġġu lil pajjiżna fuq il-mappa ta’ attivitajiet kulturali u mużikali kbar.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħa l-okkażżjoni biex jawgura lil Olivia Lewis kull suċċess fis-semi finali tal-Eurovision Song Contest fejn ser tkun qed tirrappreżenta lill-poplu Malti kollu.Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en