MIŻURA TA’ BENEFIĊĊJU GĦAL ELUF TA’ INDIVIDWI li mhux se jkollhom bżonn jimlew il-formola tat-taxxa
Kif il-Gvern kien ħabbar fil-Budget għal din is-sena, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni qed jintroduċi inizjattivi ġodda għall-benefiċċju ta’ ħafna ndividwi li ta’ kull sena huma obbligati li jimlew u jibgħatu d-dikjarazzjoni sempliċi (il-formola blu) jew il-formola tat-taxxa u s-self-assessment (il-formola ħadra). Din il-miżura tikkomplimenta r-riforma li kienet introdotta fl-1999 bl-introduzzjoni tas-sistema tas-self assessment.
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, f’konferenza stampa ħabbar li wara li wettaq eżerċizzju ntensiv id-Dipartiment identifika numru ta’ persuni li jista’ ma jkollhomx l-obbligu li jibagħtu l-formola tat-taxxa. Minflok, se jinħarġilhom mill-ewwel ir-rendikont tat-taxxa li se jkun maħdum fuq bażi ta’ informazzjoni li diġà għandu d-Dipartiment li minnha jista’ jiġi stabbilit id-dħul taxxabbli ta’ dawn il-persuni. L-informazzjoni li qed tintuża għal dan il-għan tinkludi:
· Dħul minn impjieg;
· Dħul minn pensjoni lokali u/jew tas-Servizzi Ingliżi;
· Dħul minn imgħax lokali li minnu ma nqatgħetx it-taxxa ta’ 15%;
· Dħul minn trasferimenti ta’ proprjetà immobbli li ġiet suġġetta għal taxxa finali;
· Dħul u taxxa minn ras il-għajn fuq dividendi mqassma minn kumpanniji kkwotati fuq il-Borża ta’ Malta;
· Ħlasijiet ta’ miżati lil skejjel privati indipendenti.
Fis-sentejn li għaddew id-dipartiment diġa’ nieda din l-inizjattiva fuq skala iżgħar indirizzata lejn numru ta’ pensjonanti u studenti u ħarġilhom ir-rendikont tat-taxxa mal-ewwel. Fis-sena ta’ stima 2005 kienu biss 309 persuni minn 29,503 (1,04%) li xorta talbu l-formola, filwaqt li s-sena l-oħra 229 minn 30,730 (0.75%) għamlu l-istess wara li nħareġ ir-rendikont tat-taxxa.
L-Onor. Tonio Fenech qal li huwa stmat li hemm iktar minn 130,000 taxpayer li din is-sena se jibbenifikaw minn din l-inizjattiva li mhux ser ikollhom bżonn li jimlew il-formola tat-taxxa. Il-maġġoranza ta’ individwi li jikkwalifikaw taħt din il-miżura huma nies f’impjieg, pensjonanti jew studenti li jirċievu stipendju li dwarhom id-Dipartiment għandu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun stabbilit id-dħul taxxabbli li fuqu tinħadem it-taxxa dovuta.
Hemm numru ta’ persuni oħra li ma jaqgħux taħt dan l-arranġament u għalhekk ser tinħarġilhom il-formola mill-ewwel. Dawn jinkludu persuni li:
· qegħdin fin-negozju;
· għandhom dħul minn kera;
· kellhom qligħ kapitali matul is-sena, li fuqu tħallset taxxa proviżorja;
· għandhom pensjonijiet barranin,
· kellhom xi impjieg barra minn Malta;
· għandhom dħul minn investimenti barranin;
· irċevew jew ħallsu xi manteniment;
· inbidlilhom l-istat tat-taxxa (per eżempju żwieġ jew separazzjoni matul is-sena).
Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm persuni li għalkemm jidher li jikkwalifikaw taħt l-arranġamenti l-ġodda xorta tinħarġilhom il-formola tat-taxxa. Dan jista’ jiġri għaliex minkejja li d-dipartiment għamel l-almu kollu biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa, xorta jista’ jagħti l-każ li jkun hemm informazzjoni nieqsa, żbaljata jew mhux korretta mid-diversi sorsi li tista’ teskludi persuna minn dan l-arranġament. Dawk li tinħarġilhom il-formola dejjem iridu jimlewha u jibgħatuha sad-data stipulata.
Il-miżura l-ġdida tfisser anqas inkwiet, iffrankar ta’ ħin, u inqas spejjeż speċjalment għal dawk il-persuni li ta’ kull sena jkollhom imorru għand xi ħadd biex jimlilhom il-formola, jew jitolbu l-għajnuna tad-Dipartiment billi jattendu fl-uffiċċji tiegħu jew f’xi ċentru indikat apposta fejn jingħata dan is-servizz ta’ mili ta’ formola. Barra minn hekk m’hemmx il-biża ta’ xi multa talli il-formola tkun intbagħtet tard. Fuq kollox, f’ħafna każi t-taxxa dovuta minn dawn il-persuni tkun diġa nġabret matul is-sena taħt il-Final Settlement System.
L-arranġament mhu bl-ebda mod jinnega d-dritt jew l-obbligu ta’ self-assessment għaliex dawk il-persuni li ma jaqblux mad-dħul taxxabbli kif indikat fir-rendikont tat-taxxa jridu jitolbu l-formola biex jimlewha. Dan jistgħu jagħmluh billi jindikaw u jibgħatu lura dik il-parti pprovduta għal dan il-għan fir-rendikont innifsu. Jistgħu ukoll jagħmlu użu mis-servizzi elettroniċi pprovduti mid-dipartiment.
Din is-sena d-dipartiment saħħaħ is-servizz biex tintbagħat il-formola tat-taxxa fuq l-Internet. Min se juża dan is-servizz ser ikollu aċċess għall-informazzjoni li diġa għandu d-dipartiment bħalma huma dħul minn impjieg, imgħax li minnu ma nqagħtetx it-taxxa finali ta’ 15% u dettalji dwar pagamenti li jkunu saru matul is-sena. Permezz ta’ din l-informazzjoni l-mili tal-formola u l-kalkulazzjoni tat-taxxa ser ikun iktar faċli u jiġi evitat li jitħalla xi dħul barra.
L-aċċess għal dan is-servizz jista jsir permezz tal-E-id. Iżda għal min m’għandux l-E-id, id-dipartiment ser jipprovdi login u password għal dawk li jixtiequ jużaw dan is-servizz. Dan huwa arranġament temporanju sa ma kulħadd ikollu l-E-id, biex wieħed xorta jkun jista’ juża s-servizzi on-line tad-dipartiment.
Id-dipartiment se jinforma lil dawk li għandhom jibaghtu l-formola tat-Taxxa kif japplikaw biex jużaw is-servizzi on-line.
Other Press Releases:
PR261960
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela ji...
PR261959en