JITLA’ S-SIPARJU FUQ L-EWWEL EDIZZJONI TA’ LEJLET LAPSI NOTTE GOZITANA FIĊ-ĊITTADELLA F’GĦAWDEX
Żewġ attivitajiet, imtella’ fuq inizjattiva privata, ser itellgħu s-siparju fuq l-ewwel edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana li se tinżamm f’Għawdex f’Mejju li ġej. Iż-żewġ attivitajiet, li ser ikunu għaddejin kważi fl-istess ħin fuq żewġ bastjuni taċ-Ċittadella f’Għawdex, huma mistennija li jiġbdu folol mdaqqsa hekk kif jingħata bidu għal dan l-avveniment kulturali ta’ kwalita’ f’Għawdex.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser tkun mifruxa fuq tlett’ijiem ta’ attivitajiet, bi skop li tinħoloq attrazzjoni miżjuda li tkompli ssaħħaħ il-prodott turistiku tal-gżira ta’ Għawdex. L-ewwel attivitajiet li ser jinawguraw dan il-festival kulturali ser ikunu organizzati minn ġewwa s-swar taċ-Ċittadella fejn ser jiġi mtella’ Festival ta’ l-Inbid segwit minn kunċert fejn l-attrazzjoni prinċipali hi l-parteċipazzjoni tal-kantant popolari Taljan Bobby Solo.
Fil-festival ta’ l-inbid ser jiġi servut inbid minn Delicata Winery, filwaqt li se tittella’ wirja ta’ talent lokali f’wieħed mill-aktar postijiet prominenti taċ-Ċittadella, fejn wieħed jista’ jgawdi veduta li testendi fuq il-parti l-kbira tal-gżira ta’ Għawdex. Id-dħul għal din l-attivita’, li ser tibda fis-7.30pm, huwa b’xejn. Dawk li jattendu ser ikunu jistgħu jduqu l-inbejjed servuti billi jixtru tazzi li wara jkunu jistgħu jeħduha magħhom id-dar. Matul din l-attivita’ ser tingħata wkoll wirja mill-grupp Sbandieratori Ducato Caetani mill-belt ta’ Sermoneta.
Fid-9.00pm tingħata bidu għal Lejla Soċjali ta’ divertiment li tinkludi ikel u nbid tradizzjonali Malti, segwit minn kunċert tal-kantant leġġendarju Taljan Bobby Solo. Il-kantant Malti Vittorio Gauci ser jiġi apposta mill-Ingilterra biex jipparteċipa bħala supporting act għal dan l-avveniment. Bobby Solo huwa kantant ċelebri Taljan li jgawdi popolarita’ madwar l-Ewropa kif ukoll f’Malta. Hu deher għall-ewwel darba fuq ix-xena mużikali permezz tal-parteċipazzjoni fil-festival rinomat ta’ San Remo fl-1964 bil-kanzunetta popolari tiegħu ‘Una Lacrima sul Viso’.
Dawn iż-żewġ attivitajiet qed jiġu organizzati minn MB Promotions, u l-qliegħ kollu ser imur b’riżq il-Fondazzjoni Arka. Il-biljetti jistgħu jinxtraw permezz tas-sit elettroniku www.maltaticket.com jew mingħand Agenda Bookshops jew Exotique.
Waqt li kienet qed tindirizza l-konferenza ta’ l-aħbarijiet li nediet dawn iż-żewġ attivitajiet, l-Onor Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, qalet li dawn ser jiffurmaw parti mill-programm mimli ta’ attivitajiet organizzati matul l-ewwel edizzjoni ta’ Lejlet Lapsi Notte Gozitana. Minkejja l-attivitajiet mħejjija mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura, il-Ministru Debono qalet li qed jiġu nkoraġġuti wkoll inizjattivi privati ta’ kwalita’. Il-Ministru Debono qalet ukoll li dawn it-tlett’ijiem għandhom jipprovdu esperjenza unika lill-Għawdxin kif ukoll lil dawk kollha li jżuru Għawdex matul Lejlet Lapsi Notte Gozitana, hekk kif iċ-Ċittadella u l-qalba medjevali tal-belt Victoria jiġu mibdula f’attivita’ kulturali ta’ daqs li Għawdex qatt ma ra bħalha qabel.
Lejlet Lapsi Notte Gozitana ser tittella’ bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Mejju li ġej, b’attivitajiet jinżammu fiċ-Ċittadella u f’postijiet strateġiċi oħra li jinkludu t-toroq u pjazzez prinċipali ta’ din il-belt storika. Dan l-avveniment konġunt tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Kultura qed jiġi sponsorjat mill-Good Causes Fund tal-Lotteriji Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Bank of Valletta plc, Air Malta flimkien mal-Gozo Channel Co Ltd, bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, BPC u l-Gozo Tourism Association.
Għal aktar informazzjoni, ġiet mwaqqfa helpdesk fuq in-numru tat-telefon 21559832, l-indirizz elettroniku events@gozoculture.com filwaqt li sit promozzjonali elettroniku jinsab fuq www.gozoculture.com.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959