Ikompli Jikber in-Numru ta’ Self ta’ Kotba mill-Libreriji Pubbliċi
“Il-ktieb huwa l-akbar ħabib – frażi li nisimgħu ta’ spiss, mimlija sustanza u li ġiegħlek tirrifletti. Il-ktieb ikellmek bil-kontenut tiegħu, jgħallmek, jhennik u jinfurmak. Hekk hu t-trepid li fuqu hija mibnija l-missjoni tad-Dipartiment tal-Libreriji, li tiġbor fiha l-aspetti ta’ edukazzjoni, informazzjoni u rikreazzjoni” qal il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, Dr. Louis Galea, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb. Bħala parti minn din iċ-ċelebrazzjoni l-Ministru Galea qassam numru konsiderevoli ta’ kotba mil-Librerija Pubblika Ċentrali lil-libreriji Reġjonali u dawk Friegħi.
Il-Libreriji Reġjonali u dawk Friegħi ta’ Malta u Għawdex, permezz tal-ftehim ta’ ko-operazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Libreriji u dak tal-Kunsilli Lokali, qed ikunu mgħammra sew bil-kotba varji u b’servizz eċċellenti. Minbarra l-ktieb il-Librerija Pubblika Ċentrali qed tforni ruħha b’materjal awdjo-viżiv. Qed tuża l-mezzi tal-kompjuter sabiex tilħaq lil kull tip ta’ persuna. Fil-Librerija llum insibu sezzjoni li qed toffri software ta’ għajnuna kbira fil-Multimedia Library għal dawk il-persuni bid-dyslexia. Numru kbir ta’ tape cassettes varji u nteressanti qed jintbagħtu bil-posta b’xejn lil dawk il-persuni neqsin mid-dawl, jew li ma jafux jaqraw jew ibagħtu biex jaqraw, u lill-adulti li jinsabu d-dar u ma jistgħux joħorġu. Dan qed isir sabiex id-Dipartiment tal-Libreriji jilħaq il-viżjoni tiegħu li hi bbażata fuq żewġ binarji, dik li tikkumbatti l-illitteriżmu u li kull ċittadin ikun miktub fil-Librerija sabiex il-familja li tħobb il-ktieb tikber u tissaħħaħ.
Fis-sena 2006 ġew mislufa 811,385 ktieb mill-libreriji fi ħdan id-Dipartiment tal-Libreriji, qabża ta’ madwar 26,000 ktieb iżjed mis-sena 2005. Fil-lat tar-riċerka, il-figuri juru li kien hemm żieda fin-numru ta’ persuni li ġew il-Librerija sabiex ifittxu minn kotba ta’ referenza materjal għall-proġetti jew għall-kotba li kienu qed jikkompilaw.
Il-libreriji qed joperaw sistema ta’ ‘One stop shop’, għalhekk kull min jixtieq li jinkiteb fil-librerija m’għandux bżonn iċ-ċertifikati tat-twelid mid-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku u jkun jista’ jissellef il-kotba mill-ewwel. Tiġdid tal-kotba jista’ jsir kemm bit-telefon jew via il-webpage tad-Dipartiment.
Il-Librerija Pubblika Ċentrali kienet l-ewwel entità Governattiva fid-Dipartiment tal-Libreriji li ġiet fdata bi “Quality Service Charter” fis-sena 1999. Ftit żmien wara dan il-“Quality Service Charter” ġie mogħti wkoll lill-Bibljoteka Nazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959