‘Tenori’ jagħtu bidu għal Lejlet Lapsi - Notte Gozitana
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura nieda t-Tenori Concert waqt konferenza għall-mezzi ta’ l-informazzjoni, li saret fil-boardroom tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, fil-belt Valletta.
“Notte Bianca, u issa Lejlet Lapsi - Notte Gozitana, huma ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura. Barra minhekk dawn l-iljieli għandhom l-iskop li jiżviluppaw sinerġija u kollaborazzjoni bejn il-pubbliku, il-privat u organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt,” stqarr il-Ministru Zammit Dimech.
Bħala parti mill-attivitajiet ta’ Lejlet Lapsi – Notte Gozitana li ser jiġu organizzati f’Għawdex bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju, fl-Aurora Opera House ser jittella’ kunċert minn ‘Tenori’. Dawn it-tliet kantanti Ingliżi, li jkantaw kanzunetti favoriti minn tenuri, fost ir-ripertorju tagħhom se jkantaw ‘arias’ li jinkludu Nessun Dorma, Because, Maria, Tonight, Caruso, Funiculì Funiculà, Thunderball, Granada u ħafna oħrajn.
It-tliet tenuri – Alexander Grove, Richard Coxon u James Edwards – tħarrġu fl-ogħla istituzzjonijiet Ingliżi u minbarra l-karriera tagħhom individwali, ingħaqdu flimkien biex waqqfu l-grupp Tenori, l-aktar ensemble popolari ta’ tenuri fir-Renju Unit.
Dynamic Promotions, li għamlu possibbli ż-żjara ta’ Tenori f’Malta, twaqqfu f’Għawdex fl-1994 biex joffru divertiment permezz ta’ kreazzjoni u innovazzjoni. Kemm ilhom imwaqqfa, Dynamic Productions ospitaw numru ta’ artisti internazzjonali fl-istess waqt li jppromwovu bands lokali u DJs.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar li filwaqt li Notte Bianca ġiet organizzata f’lejl wieħed, Lejlet Lapsi - Notte Gozitana qed tittella’ fuq tliet iljieli. Hu qal li l-kunċert minn Tenori ser jittella’ l-Ġimgħa 19 ta’ Mejju u hekk ser ikun hu li jiftaħ it-tliet ijiem ta’ attivitajiet. Hu qal li l-attivitajiet ewlenin ser isiru s-Sibt u jilħqu l-quċċata fil-lejl ta’ Lapsi sal-ħinijiet bikrija tal-Ħadd 20 ta’ Mejju.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn l-attivitajiet, minbarra li kellhom l-iskop li jferrħu lill-Għawdxin u lill-eluf ta’ Maltin li jitilgħu Għawdex, kienu maħsuba wkoll li jkunu ta’ attrazzjoni turistika għal Għawdex li llum qed jingħata promozzjoni bħala destinazzjoni għalih.
“Lejlet Lapsi - Notte Gozitana ser ikun taħlita ta’ arti u kultura li tappella għal dawk kollha li jħobbu l-arti u għall-pubbliku ta’ kull età. Tul dawn l-attivitajiet se jkun hemm palkijiet f’sitt lokalitajiet differenti, filwaqt li ser jittellgħu re-enactments u se jkun hemm street performers jagħtu l-wirjiet tagħhom mat-toroq tal-belt Victoria,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Notte Gozitana hi festival ta’ kultura, tradizzjoni u divertiment li kienet turi x’għandu x’joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika differenti minn Malta. Hu qal li minkejja li l-Gvern kien qed jinvesta bil-kbir biex din l-attività tkun suċċess, din ma kenitx tkun possibbli mingħajr il-kollaborazzjoni ta’ numru ta’ sponsors.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ċert li s-suċċess li kisbet Notte Bianca f’Malta kien ser jiġi ripetut f’Għawdex permezz tan-Notte Gozitana. Hu qal li l-organizazzjoni għal din il-lejla kienet fl-aqwa tagħha u li kien jemmen li meta l-affarijiet jiġu organizzati tajjeb is-suċċess ma jonqosx.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959