STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT: ĊENTRU NAZZJONALI GĦALL-ĦARSIEN TA’ L-ANNIMALI
Kif tħabbar fil-baġit 2007, il-Gvern ivvota Lm60,000 (€139,762.40) sabiex din is-sena jinbeda x-xogħol għal Ċentru Nazzjonali għall-Ħarsien ta’ l-Annimali.
Fl-aħħar ġimgħat tlestew il-pjanti għall-bini ta’ dan iċ-ċentru wara li saret konsultazzjoni mad-Diviżjoni għas-Servizzi Veterinarji. Il-pjanti saru minn periti kummissjonati mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, David Xuereb and Associates. Applikazzjoni sħiħa għall-iżvilupp taċ-ċentru ġiet sottomessa quddiem il-MEPA.
Is-sit magħżul mill-Gvern f’Ta’ Qali huwa wkoll identifikat għall-attivita’ marbuta mal-ħarsien ta’ l-annimali fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ta’ Qali.
Il-post magħżul huwa wieħed adattat ħafna għall-għanijiet ta’ l-istess ċentru. Is-sit f’Ta’ Qali huwa maqtugħ minn inħawi residenzjali tal-madwar waqt li l-fiżjonomija tal-post hija waħda tajba fejn jista’ jsir żvilupp lineari u f‘fażijiet diversi. Barra minn hekk hu ddisinjat b’tali mod li jitnaqqas l-impatt fuq is-sit.
Iċ-ċentru għall-ħarsien ta’ l-annimali se jinkludi tagħmir u postijiet attrezzati apposta fejn jinżammu annimali flimkien u kif ukoll faċilitajiet moderni ta’ kwarantina. Faċilitajiet moderni oħra se jinkludu boarding kennels, klinika veterinarja u post fejn jingħataw servizzi ta emerġenza. Dan se jwassal biex tingħata l-aqwa kura lill-annimali u titqajjem kuxjenza pubblika dwar rispett lejn l-annimali.
L-iżvilupp propost se jiġbor fih ukoll ċentru ta’ edukazzjoni u taħriġ li joffri spazju għal wirjiet u attivitajiet. Hu maħsub li jkun hemm librerija u ċentru awdjo-viżiv.
Bis-saħħa ta’ dan il-proġett se jkun possibbli li tinħoloq sinerġija bejn l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu favur l-annimali u l-attivitajiet u l-faċilitajiet ikunu kordinati b’iktar effiċjenza.
Għal dan il-għan il-Gvern għaddej b’ħidma biex iwaqqaf fondazzjoni għall-ħarsien ta’ l-annimali. L-iskop ta’ din il-fondazzjoni jinkludi t-tmexxija taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħarsien ta’ l-Annimali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959