Left arrow Mur Lura

Investiment qawwi fi proĠetti ta’ restawr fuq binjiet storiĊi f’pajjiŻna

PR0559
Date Icon 20/04/2007

Lista twila ta’ progetti ta’ restawr li qed tigi mwettqa mill-haddiema tal-Gvern matul din is-sena

Ix-xogħlijiet imwettqa mill-Ministeru permezz tal-ħaddiema li jaqgħu taħtu huma xhieda qawwija tal-politika tal-Gvern li, filwaqt li jtejjeb il-livelli ta’ l-għejxien tal-poplu kollu, fl-istess ħin qed ikompli jsebbaħ l-ambjent ta’ madwarna, b’enfażi partikolari fuq ir-restawr, ir-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed izur xogħlijiet ta’ restawr fuq il-bini tal-librerija Nazzjonali. 

Matul is-snin l-istruttura ta’ din il-librerija ġarrbet ħsarat kawza ta` diversi fatturi.  Il-portiku li hemm fuq il-faċċata rabba lega sewdenija, filwaqt illi l-ġebel tal-faċċati beda juri sinjali ta` tmermir. Wara li sar studju estensiv ġie konkluz li x-xogħlijiet ta` restawr jinqasmu fi tnejn: it-tindif tal-portiku u r-restawr tal-faccati. 

Ix-xogħlijiet ta` restawr fil-portiku qegħdin jiffukaw l-aktar fuq it-tneħħija tal-patina sewda.  Din hija r-rizultat ta` depoziti ta` partiċelli ta` ħmieġ u inkwinamenti ambjentali oħrajn li matul is-snin ddepozitaw ruħhom fuq il- ġebla.  Minn studji preliminarji li saru fuq il-ġebla uzata fil-kostruzzjoni ta` din il-Librerija, instab ukoll li l-kwalità tal-ġebla uzata għall-kostruzzjoni tal-portiku hija waħda ta` kwalità ħazina ħafna, bil-biċċa l-kbira minnha tkun tat-tip soll.  Għaldaqstant qegħda tingħata attenzjoni kbira biex il-metodoloġiji li qed jiġu applikati għat-tindif tal-ġebla jkunu tali li ma jikkaġunawx ħsara.   

Il-Ministru spjega li sabiex issir l-anqas ħsara possibli r-restawr li qiegħed isir huwa wieħed delikat li jindirizza d-diversi problemi bl-inqas impatt. Il-ġebla qegħda tiġi l-ewwel imnaddfa kollha bl-idejn.  Il-patina sewda mbagħad titnaddaf permezz ta` proċess ripetut, laburjuz u kkomplikat li jagħmel użu minn ilma ddistillat, trab tal-karta u kwantitajiet zgħar ta` amonium bicarbonate. Wara dan il-proċess, il-fili miftuħin qegħdin jitnaddfu u jitkaħħlu b’taħlita apposta. 

Meta kien qed jispjega r-restawr tal-faċċati, il-Ministru qal li dan il-proċesss huwa wieħed impenjattiv ħafna kemm minħabba l-għoli ta` dan il-bini, kif ukoll minħabba l-ħsara li hemm l-iktar ikkonċentrata fin-naħa ta` fuq, taħt il- gwarniċun.  Dan l-iktar minħabba l-perkolazzjoni ta` l-ilma minn fili miftuħin. 

Għaldaqstant, l-intervent jiffoka fuq ir-restawr tal-materjal immermer billi jinbidel ġebel deterjorat u jiġu kkonsolidati elementi li għalkemm fi stat ħazin għadhom jaqdu l-funzjoni strutturali u arkitettonika tagħhom. Fejn l-isterjotamija tal-ġebel immermer hija waħda kkumplikata, jiġu ppreparati mollijiet tal-kartun biex b’hekk il-ġebel il-ġdid jista’ jinħadem skond is-sengħa u b’fedeltà lejn l-oriġinali.  Il-kumplament tal-binja qed jiġi restawrat billi jintuza proċess ta` plastic repair fejn partijiet neqsin jiġu rikostruwiti permezz ta` depoziti li jitħalltu apposta.  B’hekk, filwaqt li l-integrità strutturali oriġinali tibqa’ mhix mittiefsa, il-linji arkitettoniċi oriġinali jiġu rikostruwiti.   

Il-Ministru tenna li dan ix-xogħol ta’ restawr hu proġett ieħor li beda din is-sena u li minħabba l-estensjoni u delikatezza tax-xogħol il-proġett hu mistenni li jintemm lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-proġett hu ko-finanzjat mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni.  

Matul din is-sena hu pprogrammat li kif sar fl-aħħar snin, jitwettaq programm ambizzjuż ta’ xogħol ta’ restawr u konservazzjoni tal-binjiet storiċi ta’ pajjiżna. Ix-xogħlijiet jinkludu dawk li diġà għaddejjin fosthom il-Knisja l-Qadima tas-Siġġiewi, il-Kapella ta’ Santa Marija fiż-Żurrieq, il-Knisja ta’ Santa Ubaldeska f’Raħal Gdid u l-Kapella tas-Salvatur fil-Kalkara u oħrajn li se jinbdew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin fosthom il-Kapella ta’ San Luqa fiż-Żurrieq, il-Kappella ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi, il-Bieb prinċipali ta’ l-Imdina u l-ġenb tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann. 

Dawn il-proġetti juru biċ-ċar u bil-fatti li l-impenn tal-gvern favur ir-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna hu wieħed fattibbli, strateġiku u attiv, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow