Investiment qawwi fi proĠetti ta’ restawr fuq binjiet storiĊi f’pajjiŻna
Lista twila ta’ progetti ta’ restawr li qed tigi mwettqa mill-haddiema tal-Gvern matul din is-sena
Ix-xogħlijiet imwettqa mill-Ministeru permezz tal-ħaddiema li jaqgħu taħtu huma xhieda qawwija tal-politika tal-Gvern li, filwaqt li jtejjeb il-livelli ta’ l-għejxien tal-poplu kollu, fl-istess ħin qed ikompli jsebbaħ l-ambjent ta’ madwarna, b’enfażi partikolari fuq ir-restawr, ir-riabilitazzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed izur xogħlijiet ta’ restawr fuq il-bini tal-librerija Nazzjonali.
Matul is-snin l-istruttura ta’ din il-librerija ġarrbet ħsarat kawza ta` diversi fatturi. Il-portiku li hemm fuq il-faċċata rabba lega sewdenija, filwaqt illi l-ġebel tal-faċċati beda juri sinjali ta` tmermir. Wara li sar studju estensiv ġie konkluz li x-xogħlijiet ta` restawr jinqasmu fi tnejn: it-tindif tal-portiku u r-restawr tal-faccati.
Ix-xogħlijiet ta` restawr fil-portiku qegħdin jiffukaw l-aktar fuq it-tneħħija tal-patina sewda. Din hija r-rizultat ta` depoziti ta` partiċelli ta` ħmieġ u inkwinamenti ambjentali oħrajn li matul is-snin ddepozitaw ruħhom fuq il- ġebla. Minn studji preliminarji li saru fuq il-ġebla uzata fil-kostruzzjoni ta` din il-Librerija, instab ukoll li l-kwalità tal-ġebla uzata għall-kostruzzjoni tal-portiku hija waħda ta` kwalità ħazina ħafna, bil-biċċa l-kbira minnha tkun tat-tip soll. Għaldaqstant qegħda tingħata attenzjoni kbira biex il-metodoloġiji li qed jiġu applikati għat-tindif tal-ġebla jkunu tali li ma jikkaġunawx ħsara.
Il-Ministru spjega li sabiex issir l-anqas ħsara possibli r-restawr li qiegħed isir huwa wieħed delikat li jindirizza d-diversi problemi bl-inqas impatt. Il-ġebla qegħda tiġi l-ewwel imnaddfa kollha bl-idejn. Il-patina sewda mbagħad titnaddaf permezz ta` proċess ripetut, laburjuz u kkomplikat li jagħmel użu minn ilma ddistillat, trab tal-karta u kwantitajiet zgħar ta` amonium bicarbonate. Wara dan il-proċess, il-fili miftuħin qegħdin jitnaddfu u jitkaħħlu b’taħlita apposta.
Meta kien qed jispjega r-restawr tal-faċċati, il-Ministru qal li dan il-proċesss huwa wieħed impenjattiv ħafna kemm minħabba l-għoli ta` dan il-bini, kif ukoll minħabba l-ħsara li hemm l-iktar ikkonċentrata fin-naħa ta` fuq, taħt il- gwarniċun. Dan l-iktar minħabba l-perkolazzjoni ta` l-ilma minn fili miftuħin.
Għaldaqstant, l-intervent jiffoka fuq ir-restawr tal-materjal immermer billi jinbidel ġebel deterjorat u jiġu kkonsolidati elementi li għalkemm fi stat ħazin għadhom jaqdu l-funzjoni strutturali u arkitettonika tagħhom. Fejn l-isterjotamija tal-ġebel immermer hija waħda kkumplikata, jiġu ppreparati mollijiet tal-kartun biex b’hekk il-ġebel il-ġdid jista’ jinħadem skond is-sengħa u b’fedeltà lejn l-oriġinali. Il-kumplament tal-binja qed jiġi restawrat billi jintuza proċess ta` plastic repair fejn partijiet neqsin jiġu rikostruwiti permezz ta` depoziti li jitħalltu apposta. B’hekk, filwaqt li l-integrità strutturali oriġinali tibqa’ mhix mittiefsa, il-linji arkitettoniċi oriġinali jiġu rikostruwiti.
Il-Ministru tenna li dan ix-xogħol ta’ restawr hu proġett ieħor li beda din is-sena u li minħabba l-estensjoni u delikatezza tax-xogħol il-proġett hu mistenni li jintemm lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Il-proġett hu ko-finanzjat mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni.
Matul din is-sena hu pprogrammat li kif sar fl-aħħar snin, jitwettaq programm ambizzjuż ta’ xogħol ta’ restawr u konservazzjoni tal-binjiet storiċi ta’ pajjiżna. Ix-xogħlijiet jinkludu dawk li diġà għaddejjin fosthom il-Knisja l-Qadima tas-Siġġiewi, il-Kapella ta’ Santa Marija fiż-Żurrieq, il-Knisja ta’ Santa Ubaldeska f’Raħal Gdid u l-Kapella tas-Salvatur fil-Kalkara u oħrajn li se jinbdew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin fosthom il-Kapella ta’ San Luqa fiż-Żurrieq, il-Kappella ta’ San Niklaw fis-Siġġiewi, il-Bieb prinċipali ta’ l-Imdina u l-ġenb tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann.
Dawn il-proġetti juru biċ-ċar u bil-fatti li l-impenn tal-gvern favur ir-restawr u l-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna hu wieħed fattibbli, strateġiku u attiv, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959