Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GHALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOCJALI

PR0556
Date Icon 19/04/2007

B’referenza għall-istqarrija ta’ l-Onor. Coleiro Preca dwar il-problema ta’ l-abbuż tad-droga f’pajjiżna, dwar programmi ta’ prevenzjoni u servizzi, u l-effetti tagħhom, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jikkjarifika dan li ġej.  

Sedqa, l-Aġenzija kontra l-Abbuż tad-Droga u l-Alkoħol, tenfasizza fuq l-edukazzjoni permezz tal-programmi speċjalizzati ta’ prevenzjoni li toffri u li qed jilħqu diversi udjenzi fl-iskejjel, fil-komunità u fil-post tax-xogħol.  

Sedqa tagħti ħafna importanza lit-tfal u lill-edukazzjoni tal-ħajja u fil-fatt is-Servizzi ta’ Prevenzjoni ta’ l-Aġenzija jikkoordinaw diversi attivitajiet fl-iskejjel li kull sena jilħqu eluf ta’ studenti, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom permezz tal-korsijiet tal-parenting skills mmexxija mill-Aġenzija. L-għan prinċipali ta’ Sedqa hu li tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni li hemm bejn l-Aġenzija, l-edukaturi u l-ġenituri sabiex ikun hemm relazzjoni tajba li twassal lit-tfal għal tagħlim u deċiżjonijiet pożittivi f’ħajjithom. 

Kull ħajja li tintilef minħabba l-vizzju tad-droga hija traġedja. Madanakollu dan ma jfissirx li l-ħidma li qed titwettaq f’dan is-settur mhux qed jagħti l-frott u mhux qed ikollu s-suċċessi tiegħu. Sfortunatament, dawn l-istejjer pożittivi ma tantx nisimgħu fuqhom fl-aħbarjiet. Barra minn hekk, l-Onor. Coleiro Preca bl-ebda mod ma tista’ tgħid li fl-assenza ta’ dawn is-servizzi is-sitwazzjoni kienet se tkun aħjar, u għalhekk minħabba li dan il-Gvern iħaddan bis-sħiħ l-individwu u l-importanza li kull persuna għandha fis-soċjeta Maltija, anke storja ta’ suċċess unika hija eżempju ċar li l-programmi mhumiex falliment kontra l-jasar tad-droga.     

L-Onor. Coleiro Preca assumiet ukoll li l-Gvern “ma jagħtiex l-attenzjoni li tant hija meħtieġa għal prevenzjoni”. Iżda b’kuntrarju għal dan li qed jingħad, tajjeb insemmu li fis-sena skolastika 2005 – 2006, il-programmi ta’ prevenzjoni ta’ Sedqa laħqu madwar 10,000 student tat-3 u l-5 sena tal-primarja. Aktar minn 30,000 ktejjeb tqassmu lill-istudenti tal-primarja, filwaqt li aktar minn 2,000 CD-ROM interattiva tqassmu lill-istudenti tal-Year 1. Dan il-materjal edukattiv hu intenzjonat li jintuża’ kemm fil-klassijiet ma’ l-għalliema, kif ukoll fid-dar bejn it-tfal u l-ġenituri. Programmi edukattivi oħra huma ppreparati u mgħoddija wkoll lill-istudenti ta’ l-iskejjel sekondarji. Dan kollu minbarra l-ħafna xogħol siewi ta’ prevenzjoni li jsir mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-għalliema tal-PSD. 

Interventi oħra ta’ prevenzjoni jsiru wkoll fuq il-postijiet tax-xogħol. Dawn il-programmi huma kollha megħjuna minn materjal informattiv li jitqassam b’mod regolari lill-pubbliku, u minn numru kbir ta’ attivitajiet li jsiru fil-kommunità bħal diskussjonijiet, laqgħat, korsijiet ta’ parenting skills, programmi fuq il-mezzi tax-xandir, attivitajiet għaż-żgħażagħ, u kollaborazzjoni ma’ aġenziji u entitajiet oħra bħall-Kunsilli Lokali. 

Sedqa toffri spettru wiesa’ ta’ servizzi ta’ kura lil persuni ta’ kull età bi problema ta’ droga. F’Malta r-rata ta’ persuni bi problema ta’ droga li jirrikorru lejn dawn is-servizzi hi għolja meta kkomparata ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Dan juri li s-servizzi f’Malta huma aċċessibbli u li numru ta’ persuni bi problema ta’ droga qed jintlaħqu u qed jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn. L-għażla wiesa’ ta’ servizzi li toffri l-Aġenzija tippermetti wkoll li persuna bi problema ta’ droga tista’ tibqa’ għaddejja faċilment bil-pjan ta’ kura minn fażi għall-oħra.  

Is-servizzi ta’ kura fil-kommunità pprovduti minn Sedqa laħqu 415 persuna bi problema ta’ droga fis-sena 2001. Din il-figura żdiedet b’19% għal 494 fis-sena 2006. Sedqa toffri wkoll it-Teen Support Service, servizz immirat lejn żgħażagħ li jinsabu f’riskju ta’ abbuż jew li għadhom kif bdew jabbużaw minn sustanzi. Dan it-Team ħadem ma’ ‘l fuq minn 120 persuna fis-sena minn meta żviluppa aktar dawn l-interventi fis-sena 2005.   

Fl-2001, in-numru ta’ klijenti fis-Substance Misuse Out-Patients Unit (iċ-Ċentru tad-Detox ta’ l-Aġenzija Sedqa) kien ta’ 935, u żdied matul is-snin għat-total ta’ 1,094 fl-2006. Klijenti li rrikkorrew għad-ditossifikazzjoni fis-Substance Misuse In-Patients Unit ta’ l-Aġenzija żdied minn 170 fl-2001 għal 247 fl-2006. Fil-programm ta’ rijabilitazzjoni residenzjali mid-droga ta’ Sedqa, Komunità Santa Marija, kien hemm ukoll żieda minn 63 klijent fl-2001 għal 80 fl-2006.  

Flimkien ma’ dawn is-servizzi, Sedqa toffri wkoll servizzi fil-komunità u fuq bażi residenzjali lil persuni bi problema ta’ alkoħol u/jew logħob ta’ l-ażżard. Dawn is-servizzi huma megħjuna kollha minn servizzi supplimentari bħal Terapija tal-Familja u Servizzi Psikoloġiċi. 

L-informazzjoni hija strument importanti ħafna sabiex il-poplu jkun mgħarraf dwar dak li jkun qiegħed iseħħ madwaru. Għaldaqstant, jekk l-informazzjoni li tingħata ma tirriflettiex ir-realta tal-fatti dan huwa nuqqas lejn iċ-ċittadini kollha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow