Left arrow Mur Lura

Laqgħa ta’ Konsultazzjoni mal-produtturi tal-ġbejniet

PR0552
Date Icon 19/04/2007

“Dan hu Gvern li jemmen f’konsultazzjoni kontinwa u fil-ħtieġa li jkun viċin tas-settur kummerċjali, biex b’hekk ikun jista’ jindirizza l-ħtiġijiet tal-persuni li għandhom negozju, skond iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.  Is-settur tal-produzzjoni tal-ġbejniet hu wieħed li sejjer tajjeb u anke ser ikun qiegħed jespandi l-operat tiegħu.”  Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-bejjiegħa tal-ġbejniet li fiha ġiet preżentata s-sitwazzjoni tagħhom. 

F’Malta u Għawdex għandna 1,840 persuna reġistrati bħala persuni li jrabbu n-nagħaġ u l-mogħoż.  Bejniethom dawn irabbu madwar 5,000 mogħża u 6,000 nagħġa.  Għaldaqstant, din l-industrija hija waħda li qed tiġġenera madwar 3,000 ġbejna tan-nagħaġ u 2,100 ġbejna tal-mogħoż f’medda ta’ 5 xhur, skond it-tagħmir ta’ l-istess bhejjem. 

Saret ħidma intensiva f’dan is-settur biex il-produzzjoni tal-ġbejniet tiġi mgħejjuna, u fil-fatt tnaqqset ukoll il-burokrazija fir-regolamentazzjoni ta’ dan is-settur.  Filwaqt li qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kellna tliet dipartimenti li jirregolaw il-bejjiegħa tal-ġbejniet, li kienu:  is-Servizzi veterinarji, l-Agrikoltura u d-Dipartiment tas-Saħħa, illum, wara li dħalna membri ta’ l-Unjoni Ewropea, hemm armonizzazzjoni fir-regolamenti li qed joħorgu kollha mingħand id-Dipartiment tas-Sevizzi Veterinarji.  Dan wassal mhux biss għal tnaqqis fil-burokrazija, iżda wkoll tejjeb il-livelli ta’ kwalita’ tal-ġbejniet.  Fil-fatt, filwaqt li qed jiġu assigurati standards ta’ kwalita’ fil-produzzjoni tal-ġbejniet, dawn l-istandards il-ġodda qegħdin iwasslu biex dan il-qasam ikun wieħed rispettat u ta’ kwalita’ dejjem itjeb. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “l-Gvern jinterassah jara li anke din l-attivita’ kummerċjali tkun sostenibbli fil-futur u ma titlifx mill-bejgħ tagħha.  Illum naraw kif dawn il-ġbejniet qed jinżlu tajjeb mhux biss mal-Maltin, iżda b’mod partikolari wkoll mat-turisti.  Fil-fatt, illum wieħed isib il-ġbejniet f’postijiet differenti, minn ristoranti, grocers u supermarkets sa anke fl-ajruport.  Il-produzzjoni tal-ġbejniet avvanzat b’tali mod li llum il-ġbejniet qegħdin jiġu wkoll ippakkjati b’mod li jippermetti il-priservazzjoni tagħhom, fil-fatt insibu ġbejniet fiż-żejt li jagħmluha possibbli li jinbiegħu lit-turist sabiex jeħodhom miegħu lura f’pajjiżu. 

“Dan il-qasam ta’ bejgħ ta’ ikel tipikament Malti hu wieħed li jrid jiġi sfruttat aktar ukoll f’dak li huwa bejgħ barra minn pajjiżna.  Dan huwa mod ieħor ta’ kif negozjanti u produtturi Maltin jistgħu jisfruttaw il-vantaġġi ta’ l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.  Prodotti bħalma huma l-ġbejniet, li huma tipikament ta’ Malta, ikollhom ċertu valur miżjud barra minn Malta, li ma jkollhomx prodotti oħra.” 

Il-Gvern fil-fatt diġa’ kellu numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u ser isiru aktar laqgħat mal-produtturi tal-ġbejniet sabiex ikompli jorganizzahom b’mod kummerċjali.  Il-produtturi tal-ġbejniet u l-Assoċjazzjoni Produtturi tal-Ġbejniet tan-Nagħaġ u l-Mogħoż qegħdin jaħdmu viċin mas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed biex iwasslu l-ħsibijiet u l-ħtiġijiet tagħhom fuq diversi aspetti tal-produzzjoni tal-ġbejniet lill-Gvern.  Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed qed ikun viċin tagħhom u qiegħed jgħin sabiex iġib flimkien l-imsieħba kollha interessati fil-qasam.  Fil-laqgħa tkellmu wkoll uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura, mill-NECC, u mid-Dipartiment tas-Saħħa. 

Fit-tmiem tal-laqgħa, l-Onor. Edwin Vassallo spjega kif “l-impenn tal-Gvern huwa dak li jkun qrib ta’ kull settur, biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar.  Aħna konxji mill-importanza li għandu l-artiġjanat u r-rwol ta’ l-artiġjana fis-settur kummerċjali lokali, u qegħdin naħdmu biex inkomplu niffaċilitaw in-negozju.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow