JITĦABBRU D-DETTALJI TAL-BENEFIĊĊJU TA’ L-ENERĠIJA GĦAL FAMILJI ELIĠIBBLI
Illum tħabbru d-dettalji tal-benefiċċju ta’ l-enerġija li se joffri għajnuna lill-familji Maltin u Għawdxin li għandhom dħul baxx u lil dawk il-familji bi bżonn umanitarju li jeħtieġu b’mod kontinwu l-użu tad-dawl u l-ilma.
F’konferenza stampa li fiha ħadu sehem il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, u s-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, l-Onor. Tonio Fenech, ġie mniedi dan il-benefiċċju li l-Gvern kien ħabbar fil-Budget 2007. Dan il-benefiċċju huwa riflessjoni ċara ta’ l-impenn li dan il-Gvern qiegħed jieħu sabiex iħares il-bżonnijiet tal-familji li jistgħu jkunu l-istess bżonnijiet li kull wieħed u waħda minnha jiltaqa’ magħhom f’xi stadju jew ieħor tal-ħajja tagħna. Is-solidarjetà soċjali dejjem kienet qafas prinċipali ta’ dan il-Gvern, Gvern li ħadem bis-sħiħ sabiex kull bniedem ikun rappreżentat fis-soċjetà u jingħata għajnuna fejn meħtieġa. Din hija l-filosofija ta’ Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, li naħdmu id f‘id sabiex inkunu l-bennejja ta’ soċjetà bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà soċjali.
Il-Ministru Cristina saħħqet bi sħiħ li d-deċiżjoni li jingħata dan il-benefiċċju jħaddan ukoll il-prinċipju tas-sostenibbilta ta’ l-ambjent. Fil-fatt, l-ambjent huwa wkoll prijorita għal dan il-Gvern. “Għaldaqstant, is-sistema ta’ kif jinħadem dan il-benefiċċju mhux ser tagħti lok għal abbuż u dawk kollha li huma eliġibbli għal dan il-benefiċċju jridu jikkontrollaw il-konsum ta’ l-enerġija skond il-parametri stabbiliti fiċ-ċirkostanza tagħhom,” spjegat il-Ministru Cristina. Hija tkellmet dwar il-proċess li l-Gvern ħaddan sabiex wasal għad-deċiżjoni finali li jibda jingħata dan il-benefiċċju. “Bħala risposta għar-realta li qegħdin niffaċjaw illum il-ġurnata l-Gvern ħares lejn diversi xenarji sabiex jasal għall-aħjar soluzzjoni possibbli, bil-prinċipju li l-benefiċċju jkun ekwu, ġust u viabbli għall-pajjiż Malti,” sostniet il-Ministru. “Minbarra dan, is-sistema tal-benefiċċju ta’ l-enerġija hija waħda effiċjenti fejn il-maġġoranza tal-persuni eliġibbli huma diġà reġistrati fis-sistema teknoloġika tad-Dipartiment u għaldaqstant dan iħaffef il-proċess u jtaffi l-piż fuq il-benefiċjarji.”
Il-Ministru għamlet referenza wkoll għat-22 uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali li nsibu f’Malta u Għawdex. Dawn se jkunu punt ta’ referenza għall-poplu kollu li jista’ jżur l-uffiċċini għal aktar tagħrif u għajnuna. Barra minn hekk, l-impjegati kollha tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ngħataw taħriġ sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-bżonnijiet ta’ dawk kollha li għandhom bżonn informazzjoni dwar il-Benefiċċju ta’ l-Enerġija.
Minn naħa tiegħu, l-Onor. Fenech tkellem dwar kif, fl-aħħar sentejn rajna l-prezz taż-żejt jiżdied b'mod allarmanti minħabba diversi fatturi ekonomici u politici. “Din iż-żieda qawwija affettwat ħażin l-ekonomija Maltija, li rridu ngħidu, tiddependi għal kollox miż-żejt sabiex taqdi l-ħtiġijiet ta’ l-enerġija tagħha kif ukoll sabiex tipproduċi ħafna mill-ilma li nużaw aħna lkoll,” spjega l-Onor Fenech. “Il-Gvern ħadem b'għaqal sabiex jassigura li jilqa’ bil-kbir għat-taqlib fil-prezzijiet taż-żejt u għaldaqstant idaħħal kemm jista’ jkun stabbilità fis-suq tagħna. Fl-aħħar snin, ħdimna bis-sħiħ sabiex tejjibna l-għarfien tal-poplu tagħna dwar l-użu ta’ l-enerġija u l-ħtieġa li din tintuża b'mod tajjeb. U għalhekk huwa ta' pjaċir tara l-poplu tagħna jagħraf u jifhem dan il-messaġġ u jwettqu fil-prattika.”
L-Onor. Fenech semma statistika li ħarġet mill-Eurobarometer f'dawn il-jiem li fost l-oħrajn turi li l-poplu Malti (68%) huwa t-tielet l-aktar poplu mħasseb mit-tibdil fil-klima fl-Unjoni Ewropea, ’il fuq minn 73% tal-Maltin jaħsbu li l-konsum tal-enerġija u allura l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni u l-użu tal-enerġija u tal-fuels iħallu mpatt fuq il-klima, u aktar minn 88 % tal-Maltin jaħsbu li fis-snin li ġejjin irridu nibdlu l-mod ta' kif nużaw l-enerġija u li għandna nagħmlu minn kollox sabiex naħlu anqas.
“Dawn huma riżultati li juru kif il-Maltin jaħsbuha,” qal l-Onor. Fenech. “Fil-fatt, fuq medda ta' ħames xhur, il-Gvern irċieva 7,000 applikazzjoni għas-sussidju fuq ix-xiri ta' apparat domestiku ta' effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija, skema ġdida oħra mħabbra mill-Gvern fil-Budget 2007. Fuq kollox dan il-Gvern qed jinvesti bil-kbir sabiex infiehmu u nuru lill-poplu tagħna toroq oħra fil-konservazzjoni tal-enerġija u l-ħarsien ta’ l-ambjent. Dan għaliex aħna nemmnu dak li ngħidu u nwettqu dak li ngħidu u nwiegħdu,” temm l-Onor. Fenech.
Il-Benefiċċju ta’ l-Enerġija huwa maħsub sabiex itaffi l-impatt tal-prezz taż-żejt fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fenomenu li ssarraf f’konsegwenzi fuq ix-xena globali u li laqat is-suq internazzjonali kollu, fejn pajjiżna ma kienx eċċezzjoni. Madanakollu, sabiex jittaffa l-piż u l-impatt qawwi fuq livell nazzjonali, il-Gvern ħadem bla heda sabiex jitnedew pjanijiet strutturali li jkunu ta’ benefiċċju kemm għall-persuni li jinsabu fil-bżonn, kif ukoll għas-soċjetà kollha.
Alan Grima, Acting Information Management Officer (MFSS), spjega li dan il-benefiċċju se jwassal sabiex eluf ta’ households jibbenefikaw minn din l-iskema. Huwa qal li ġew stabbiliti kriterji preċiżi sabiex wieħed jkun jista’ jibbenefika minn din l-iskema. Dawk kollha li qegħdin jirċievu benefiċċju tas-sigurtà soċjali mhux kontributorju (jiġifieri l-għajnuna soċjali), benefiċċju speċjali għal disimpjieg, pensjoni tal-wens, u pensjoni ta’ l-età mhux se jkollhom għalfejn japplikaw għall-Benefiċċju ta’ l-Enerġija għaliex awtomatikament se jinħareġ voucher mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li ser jintbagħtilhom id-dar.
Dawk kollha li qed jirċievu allowance supplimentari, il-pensjoni tad-diżabilità jew allowance tat-tfal, u li d-dħul tal-familja huwa inqas minn Lm62.86 fil-ġimgħa (€146.42) jew Lm3,268.72 fis-sena (€7,614.07), jistgħu jibbenefikaw mill-benefiċċju ta’ l-enerġija skond test tal-mezzi li se jkun ibbażat fuq il-provedimenti ta’ l-Att tas-Sigurtà Soċjali applikabbli għal benefiċċji ta’ l-allowance supplimentari, il-pensjoni tad-diżabilità jew l-allowance tat-tfal. F’dan il-każ, dawk kollha li jirċievu l-allowance supplimentari jew l-allowance tat-tfal u jaqilgħu inqas mill-ammont stabilit mhux ser ikollhom għalfejn japplikaw għaliex awtomatikament se jinħareġ voucher mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li ser jintbagħtilhom id-dar. Dawk kollha eliġibbli f’din il-kategorija li jieħdu l-pensjoni tad-diżabilità se jirċievu applikazzjoni bil-posta d-dar tagħhom li jridu jibagħtu lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jew jieħduha fl-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment.
Familji oħra li se jibbenefikaw minn din l-iskema l-ġdida huma dawk il-familji li għandhom membru tal-familja, li jgħix Malta b’mod permanenti, b’xi kundizzjoni medika ċċertifikata li tiġġustifika konsum qawwi ta’ dawl u/jew ilma. Għal dawn il-familji d-dħul tagħhom jiġi kkalkulat skond l-Att tas-Sigurtà Soċjali skond l-allowance li tingħata għal tifel jew tifla b’diżabilità, jiġifieri d-dħul totali tal-familja ma jridx jaqbeż it-Lm13,270 (€30,910.80). Sabiex persuna li tikkwalifika fuq din il-bażi tirċievi dan il-benefiċċju hija trid tikteb lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali u flimkien ma’ l-ittra jridu jintbagħtu d-dokumenti dwar id-dħul iddikjarat tal-familja flimkien ma’ ċertifikat mediku dwar il-membru tal-familja li jeħtieġ dan l-użu qawwi ta’ dawl u ilma.
Dan il-Gvern ħadem b’impenn sabiex iħares il-bżonnijiet tal-familji u s-sostenibbiltà ta’ l-ambjent tal-pajjiż. Dan il-benefiċċju jinkoraġġixxi lil kull min jibbenifika minnu sabiex jagħmlu użu responsabbli mid-dawl u l-ilma, u li ma jkunx hemm ħela ta’ l-enerġija, għax inkella l-benefiċjarji ma jgawdux mis-ssussidju fuq konsum żejjed tad-dawl u ta’ l-ilma.
It-tixrid ta’ informazzjoni huwa strument fundamentali sabiex kull individwu jkun mgħarraf dwar in-neċessitajiet tas-soċjetà u l-miżuri li hawn fis-seħħ. Għalhekk, dawk li jikkwalifikaw awtomatikament għal dan il-benefiċċju ser jirċievu d-dar ittra mibgħuta lilhom mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bid-dettalji ta’ dan il-benefiċċju. Minnbarra dan, mill-ġimgħa d-dieħla fuljett ta’ informazzjoni se jkun disponibbli mill-Ministeru li jinsab fi Triq ir-Repubblika l-Belt, mill-uffiċċini kollha tas-Sigurtà Soċjali, mill-Kunsilli Lokali, u mill-fergħat tal-posta. Wieħed għandu wkoll il-faċilità li jżur is-sit elettroniku tal-Ministeru fejn jista’ jsib kopja tal-fuljett (bil-Malti u bl-Ingliż) li tista’ titniżżel minn fuq l-internet. Il-Ministeru għandu wkoll ċentru ta’ informazzjoni, SPIC (Social Policy Information Centre), fejn wieħed jista’ jċempel fuq in-numru 159, mit-8 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija, mit-Tnejn sas-Sibt.
L-introduzzjoni ta’ dan il-benefiċċju turi r-rieda pożittiva ta’ diversi Ministeri, dipartimenti u entitajiet governattivi sabiex jingħelbu l-ostakli li jiltaqgħu magħom il-familji Maltin u Għawdxin u sabiex inbiddlu x-xkiel f’opportunitajiet u żvilupp.
Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jinsab fl-indirizz: 38, Triq l-Ordinanza, il-Belt Valletta, VLT 2000. Wieħed jista’ wkoll jikteb lid-Dipartiment fuq social.security@gov.mt u l-website tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali huwa www.mfss.gov.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959